Lokali

“Irridu Gvern li dak li jwiegħed iwettqu” – Trisianne Agius

“Illum jien u ż-żgħażagħ ilkoll qegħdin hawn għax irridu nifs ġdid għal pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ li wasslet Trisianne Attard meta kien qed tindirizza il-Mass Rally li organizza l-Partit Nazzjonalista f’Ħal Lija, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.

Attard, li għandha 18-il sena u l.i hija studenta fl-Università ta’ Malta, spjegat li din kienet l-ewwel darba tagħha tindirizza folla daqshekk kbira. Hija qalet li ħasset responsabilità li tkun vuċi għal żgħażagħ oħra li qed jaffaċċjaw sfidi simili, speċjalment dawk li ma jkollhomx il-kuraġġ li jsemmgħu leħinhom.

Matul l-intervent tagħha, hija indirizzat diversi problemi li qed jaffettwaw lis-soċjetà Maltija, b’mod partikolari liż-żgħażagħ .

Hija tkellmet dwar il-frustrazzjoni li ħafna qed iħossu minħabba nuqqas ta’ direzzjoni fil-pajjiż, diffikultajiet finanzjarji u nuqqas ta’ spazji miftuħa. Fost dawn l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-Maltin u l-Għawdxin semmet fost l-oħrajn it-trasport pubbliku, li fi klioemha ddeskriviet bħala ineffiċjenti u mhux affidabbli. Hija spjegat kif studenti u ħaddiema qed iqattgħu ħin twil jistennew jew jivvjaġġaw, u sostniet li din mhix biss opinjoni iżda realtà ta’ kuljum.


“Din mhix xi biss fehma… din hija r-realtà,” sostniet Attard, waqt li rrakkontat l-esperjenzi ta’ kuljum ta’ ħafna li jiddependu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.Hija rreferiet ukoll għall-istress ikkawżat mit-traffiku u xogħlijiet kontinwi madwar il-pajjiż, kif ukoll għall-bidliet f’żoni bħal Ta’ Qali, li skont hi tilfu mill-valur tagħhom bħala spazji miftuħa għall-familji.


Attard ma naqsitx milli tikkritika l-wegħdi politiċi li, skont hi, ma ġewx implimentati. “Aħna ż-żgħażagħ xbajna nisimgħu paroli. Irridu Gvern li dak li jwiegħed iwettqu,” qalet b’mod dirett, f’waħda mill-aktar partijiet qawwija tad-diskors tagħha.Fl-istess ħin, hija esprimiet fiduċja fil-politiku Alex Borg, fejn sostniet li l-proposti tiegħu, partikolarment dwar sistema ta’ trasport tal-massa u inizjattivi fis-saħħa, jistgħu jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies.


Hija semmiet ukoll l-importanza ta’ inizjattivi relatati mas-saħħa mentali u prevenzjoni, u sostniet li dawn jistgħu jkunu “game changer” għall-komunità, speċjalment għaż-żgħażagħ. Temmet tisħaq dwar il-ħtieġa li jinbena futur fejn il-vuċi taż-żgħażagħ tinstema’ u fejn il-ħolm tagħhom jista’ jsir realtà.