Lokali

Kampanja mill-MEIA għal ħlas ġust fl-arti performattiva f’Malta

Fis-settur tal-arti, ħafna artisti u ħaddiema kulturali għadhom jaffaċċjaw sfidi bħal xogħol mhux imħallas, nuqqas ta’ kuntratti bil-miktub, aspettattivi mhux ċari, u kundizzjonijiet tax-xogħol inkonsistenti. Dawn il-prattiki jaffettwaw is-sostenibbiltà tal-karrieri artistiċi u r-reżiljenza fit-tul tas-settur tal-arti performattiva.

Din hija l-konklużjoni li waslet għaliha l-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA), meta nediet kampanja ta’ xahar immirata lejn l-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Prattika dwar ħlas ġust fl-arti performattiva, bl-appoġġ ta’ APS Bank.

Din il-kumpanija ġiet imnedija f’Jum il-Ħaddiem, u tirrikonoxxi x-xogħol u n-nies li hemm warajh.

Fl-arti performattiva, ix-xogħol ħafna drabi jidher biss fil-forma finali pubblika tiegħu: wirja, produzzjoni, kunċert jew avveniment. Madankollu, wara kull riżultat artistiku hemm preparazzjoni estensiva, provi, taħriġ, amministrazzjoni, kollaborazzjoni u ħiliet professjonali. Dan ix-xogħol huwa essenzjali għall-ħajja kulturali ta’ Malta u għandu jiġi rikonoxxut.

Ibbażata fuq riċerka fis-settur, il-kampanja tal-MEIA għandha l-għan li tpoġġi dawn ir-realtajiet fil-fokus. L-għan tagħha mhux biss li tqajjem kuxjenza, iżda wkoll li tappoġġja bidla prattika u sinifikanti permezz tal-iżvilupp ta’ Code of Practice li jiddefinixxi kif għandu jidher fil-prattika ħlas ġust u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti.

Dan se jservi bħala qafas biex jinkoraġġixxi standards aktar ċari dwar remunerazzjoni, kuntratti, ħin ta’ provi u preparazzjoni, kundizzjonijiet tax-xogħol u rikonoxximent professjonali. Dan se jappoġġja lill-artisti, produtturi, organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet, finanzjaturi u awtoritajiet pubbliċi biex jaħdmu lejn prinċipji komuni ta’ ġustizzja, trasparenza u responsabbiltà.

Jeħtieġ impenn minn kull parti tal-arti performattiva. L-istabbiliment ta’ standards komuni huwa pass importanti biex jiġi żgurat li x-xogħol kreattiv jiġi vvalutat u li l-artisti jkunu jistgħu jżommu l-prattika professjonali tagħhom.

Din il-kampanja timmarka l-ewwel pass f’dan il-proċess.

Il-MEIA tistieden lis-settur u lill-pubbliku ġenerali biex jappoġġjaw lill-artisti performattivi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ standards ta’ ħlas ġust għal futur kulturali aktar sostenibbli, ekwu u reżiljenti.