Pajjiżna llum qed ifakkar it-22 sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, kien fl-1 ta’ Mejju tal-2004 meta Malta ssieħbet mal-blokk Ewropew wara snin ta’ ħidma mill-PN – dak iż-żmien immexxi minn Eddie Fenech Adami.
Is-sħubija ta’ Malta fl-UE, li bdiet fl-2004, kienet pass kruċjali li bidel id-direzzjoni tan-nazzjon. Id-deċiżjoni li ningħaqdu mal-UE ma kenitx waħda sempliċi; kienet frott diskussjoni intensiva, analiżi ekonomika, u referendum nazzjonali.
Illum, wara 22 sena, l-effetti pożittivi ta’ dik id-deċiżjoni huma ċari. Dak li darba kien suġġett ta’ kontroversja issa hemm qbil wiesa’ dwaru fost l-poplu Malti. L-għażla li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea kienet l-għażla t-tajba
Mill-aspett ekonomiku, Malta rat tkabbir sostenibbli, investiment, u diversifikazzjoni wara s-sħubija mal-UE. L-aċċess għas-suq uniku fetaħ opportunitajiet ġodda għan-negozju, is-servizzi u l-innovazzjoni.
Il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni Ewropej kienu kruċjali għall-modernizzazzjoni ta’ pajjizna: fl-infrastruttura u f’tant u tant progetti pubblici madwar il-pajjiż. Is-sħubija fl-UE ġabet ukoll allinjament regolatorju u tisħiħ istituzzjonali, li komplew isaħħu r-reżiljenza u t-tmexxija ekonomika ta’ Malta.
Soċjalment u fuq livell kulturali, is-sħubija fl-UE fetħet orizzonti ġodda għall-Maltin. L-istudenti u l-professjonisti tagħna qed igawdu minn programmi bħall-Erasmus+, li permezz tiegħu eluf komplew jistudjaw, jaħdmu, jew jitħarrġu barra minn Malta. Is-sħubija fl-UE saħħet il-possibbiltà għaż-żgħażagħ Maltin biex jgħixu u jinteraġixxu mal-kontinent kollu, u dan saħħaħ l-iżvilupp personali tagħhom.
Malta saret ukoll destinazzjoni mixtieqa għal ċittadini oħra mill-UE, li qed jikkontribwixxu għal soċjetà aktar diversa u dinamika.
Bħala l-iżgħar stat membru tal-UE, Malta wriet li d-daqs mhux ta’ ostaklu biex inkunu ukoll partecipi fid-deċiżjonijiet kollha madwar il-mejda. Tajna u għad nistgħu nagħtu sehemna fil-formolazzjoni ta’ politika futura tal-kontinent.
//= $special ?>

