Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista
Illum id-dinja tfakkar Jum il-Ħaddiem. Għalhekk tajjeb li f’dan il-jum naraw daqsxejn fejn jinsab il-ħaddiem Malti. Kif ktibt aktar ’il fuq, fiż-żmien li Robert Abela ilu Prim Ministru l-pagi tal-Maltin u l-Għawdxin minflok żdiedu naqsu realment b’4.3%. Il-paga nominali flok żdiedet naqset b’5.1%. X’qed jiġri f’pajjiżna?
Mingħajr ma nippuntaw subgħajna lejn il-ħaddiema barranin nafu li dawk jiġu biex jaħdmu, jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u jibagħtu flus lejn l-għeżież tagħhom lura f’pajjiżhom. Dawn jattirawhom lejn pajjiżna b’pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol mill-aqwa u mbagħad darba f’Malta jsibu li huma skjavi moderni.
Dan kollu qed iwassal biex parti mill-ħtija tal-fatt li l-ħaddiem Malti minflok ’il quddiem sejjer lura hija l-fatt li l-Maltin ftit għad baqgħalhom saħħa ta’ negozjar. Min iħaddem jekk isib min jitħallas inqas jieħu lilu. U l-Malti jew jaċċetta dak li joffrulu jew jibqa’ bla xogħol.
Mijiet ta’ eluf b’pagi baxxi
Is-sitwazzjoni tal-pagi f’pajjiżna hija riflessa fi tweġiba li ta l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għal mistoqsija li għamillu d-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo li minnha rriżulta li fl-2024 kien hawn f’Malta u Għawdex 71,254 li jaqbdu sa’ €12,000 fis-sena u 71,763 li jaqbdu bejn 12,001 u €20,000 fis-sena.
Minn dawk li jaqilgħu sa’ €12,000 fis-sena 30,242 kienu Maltin. Minn dawk li jaqilgħu bejn €12,001 u €20,000, 30,306 kienu Maltin ukoll.
Fl-2024 is-salarju medju tal-ħaddiema Maltin kien €23,611. Il-paga medja kienet inqas. Dan ifisser li numru kbir ta’ Maltin kienu ’l bogħod milli jkollhom paga jew salarju medju.
Din hija s-sitwazzjoni tal-ħaddiem taħt Gvern Laburista. Gvern li jiftaħar kemm sejra tajjeb l-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda fejn dan it-titjib mhux jilħaq lill-parti kbira tal-poplu Malti u Għawdxi. Fejn id-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu ftit qed jikber minflok jiċkien.
Kwantità u mhux kwalità
Il-qagħda tal-ħaddiem Malti llum hija riżultat tal-mudell ekonomiku li introduċa f’pajjiżna l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana meta kien imexxi Jobsplus. Mudell mibni fuq l-importazzjoni bla rażan ta’ ħaddiema barranin minn barra l-Unjoni Ewropea li jitħallsu pagi baxxi. Pagi li jkollhom effett fuq dawk tal-ħaddiema Maltin. Il-Gvern Laburista bena l-politika ekonomika tiegħu fuq il-kwantità u mhux fuq il-kwalità.
Il-Partit Nazzjonalista, mill-Gvern attira lejn pajjiżna setturi ekonomiċi li jirrendu mhux biss għall-ekonomija iżda wkoll għall-ħaddiema. Setturi bħas-servizzi finanzjarji, l-igaming, il-farmaċewtika, il-marittimu, il-manutenzjoni tal-ajruplani u oħrajn. Il-Partit Nazzjonalista jrid li mill-Gvern nerġgħu mmorru għall-kwalità. Fejn nattiraw setturi li b’inqas nies jkollhom valur miżjud ogħla li minnu jgawdi l-ħaddiem Malti u Għawdxi.
Gvern ġdid Nazzjonalista jrid joħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu. Irid li l-Maltin u l-Għawdxin isibu xogħol b’pagi tajbin bl-iskop li biex jlaħħqu mal-ħajja ma jkollhomx għalfejn jagħmlu iktar minn impjieg wieħed.
Garanzija lill-ħaddiema
Il-Laburisti diġà bdew iseffsu fil-widnejn li jekk ikun hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dan jitfa’ ’l barra mis-settur pubbliku ħaddiema li qed idaħħal Gvern Laburista. Din hija tattika li diġà ntużat lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-1987 meta Gvern Laburista qabbad mal-Gvern 8,888 ħaddiem.
Dakinhar Eddie Fenech Adami ta lil dawk il-ħaddiem garanzija li ħadd minnhom ma jitlef postu. Garanzija li żamm. L-istess qed jagħmel illum Alex Borg, u l-istess jagħmel la darba jkun Prim Ministru ta’ Malta.
L-uniku Prim Ministru li keċċa ħaddiema Maltin u Għawdxin minn mal-Gvern kien Duminku Mintoff wara li rebaħ l-elezzjoni tal-1955, meta keċċa 800 ħaddiem li kienu daħlu mal-Gvern bejn l-1950 u l-1955 meta Prim Ministru kien Ġorġ Borg Olivier.
Lill-ħaddiem Malti, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħtih dawk il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom ikun jista’ jgħix ħajja diċenti. Fejn il-livell tal-għajxien jitjieb. Fejn Jum il-Ħaddiem jiċċelebrah kuljum!
Nawgura lill-ħaddiema kollha l-festa t-tajba.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 1 ta’ Mejju, 2026.
//= $special ?>

