Lokali

B’12,248 ħaddiem ifittxu xogħol, il-PL jgħid li “qered il-qgħad”

In-nies f’pajjiżna li bħalissa jinsabu bla xogħol huma b’kollox 12,248. Iżda skont il-Ministru Silvio Schembri, il-Gvern Laburista qered il-qgħad f’pajjiżna – meta fil-verità’, minn Lulju ‘l hawn rajna l-qgħad jiżdied, xahar wara l-ieħor – kif jikkonfermaw iċ-ċifri tal-Gvern stess, maħruġa mill-NSO.

Skont l-aħħar ċifri tal-NSO, f’pajjiżna rajna żieda ta’ aktar minn 15% fil-qgħad meta n-numri jiġu mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti; illi jfisser li mhux talli l-Gvern qered il-qgħad, talli n-numri qed jiżdiedu – b’aktar minn 2,800 persuna huma żgħażagħ.

Rata ta’ qgħad li ċ-ċifri qed juru żieda kajmana iżda konsistenti sa minn 8 xhur ilu ‘l hawn.

Minkejja li fl-aħħar snin, iswed fuq l-abjad il-qgħad kien f’livelli perċentwali baxxi, huwa wkoll minnu li fl-aħħar xhur għal darb’oħra beda jiżdied in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol. Filwaqt li l-kliem ta’ Schembri huwa ferm insensittiv għal dawk l-eluf ta’ nies li qed ifittxu xogħol; meta l-Ministru ddeċieda li jgħid li qered il-qgħad – daqslikieku dawn l-eluf ma jeżistux.