Lokali

“Il-prijoritajiet ta’ Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikunu l-prijoritajiet tiegħek”- Alex Borg

“Ninsab motivat u determinat biex Għawdex ma jibqax afterthought, ma jkunx periferija u iżda jkun fiċ-ċentru tal-politika. Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti prijorita b’saħħitha lil Għawdex.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg meta kien qed jindirizza attività politika f’Għajnsielem – b’rabta mal-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar id-diversi proposti li nieda l-Partit Nazzjonalista u li permezz tagħhom se nieħdu lil Għawdex ‘il quddiem – 110 proposta b’rabta mal-infrastruttura, konnettivita’ bejn iż-żewġ gżejjer, persuni b’diżabilita u s-saħħa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr kif Gvern ġdid Nazzjonalista jiggarantixxi li min jiġi bżonn is-servizzi tas-saħħa ikollu moħħu mistrieħ li se jsibhom f’ħinhom u f’waqtu. Sostna li waħda mill-aktar proposti li għandu għal qalbu hija dik tal-isptar ġdid f’Għawdex. Sostna li hu determinat li fl-ewwel leġiżlatura ta’ Gvern Nazzjonalista, sptar f’għawdex t’400 sodda b’helipad qrib l-emerġenza, jibda jieħu l-frott. Wiegħed pakkett finanzjajru ġdid lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.

Apparti s-saħħa u l-isptar vara l-viżjoni biex iċ-ċentru tas-saħħa fir-Rabat Għawdex ikun miftuħ 24 siegħa kuljum. Semma proposta kruċjali oħra ta’investiment fuq 150 kilometru ta’ toroq f’Għawdex. Għawdex irid ikollu politika li turi li Għawdex hija prijorita. Tkellem dwar il-Konnettivita bejn Malta u Għawdex u semma kif Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti f’żewġ vapuri ġodda bejn Malta u Għawdex – wieħed minnhom għall-passiġġieri li sal-2029 ikun komplut u jibda jsir operabbli. Apparti minn hekk jiġi introdott ukoll vapur tal-merkanzija.

Alex Borg fakkar kif Gvern Nazzjonalista, fil-passat investa fuq tliet vapuri filwaqt li Gvern Laburista nvesta fin-Nikolaws li minħabba fih qed jintefqu l-eluf ta’ ewro. Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti bis-sħiħ fil-Port taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr biex joqodu l-vapuri kollha. L-investiment fil-Port tal-Imġarr se jikkonsisti minn estensjoni u anke parkeġġ – proġett li se jkun qed jiswa madwar 7 miljun ewro.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li Gvern immexxi minnu jipprovdi fond ta’ 9 miljun ewro ddedikat lit-teatru u l-kultura t’Għawdex.

Ħabbar ukoll proposta ta’ investiment ta’ 8 miljun fl-iskola ta’ Sannat. Mill-ewwel ġurnata ta’ kampanja elettorali wera eżattament viżjoni li ma tħalli lil ħadd lura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg temm jisħaq li fit-30 ta’ Mejju hemm għażla importanti ferm x’issir – għaliex permezz tal-vot tiegħu, il-poplu Malti u Għawdxi kollu ser jiddeċiedi fejn irid fejn irid jieħu lill-pajjiżna sabiex verament jingħata nifs ġdid.