Il-quddiesa bl-ordinazzjoni ta’ tliet djakni ġodda, tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna u saret dalgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-konċelebranti kienu l-Provinċjal tas-Salesjani ta’ Don Bosco f’Malta Fr Eric Cachia SDB, il-Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali Patri Paul Darmanin OFM Conv., u għadd ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjużi.
Fl-omelija tal-ordinazzjoni ta’ Fra Mauro Zammit OFM Conv., Bro. Raphael Axisa SDB u Bro. Matthew Alfino SDB bħala djakni, l-Arċisqof ħeġġeġ lit-tliet reliġjużi jimxu fuq kliem San Pawl lil Timotju: “Kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa” (1 Tim 4:12) — u fakkar lid-djakni ġodda biex ikunu eżempju ħaj tal-Evanġelju.

“Il-Mulej jimmarkakom b’din il-vokazzjoni li tkunu qaddejja tal-verità, qaddejja tal-artal u qaddejja tal-fqar. Intom djakni, intom qaddejja. Imma l-ewwel vokazzjoni tagħkom hija li tkunu ta’ eżempju”. Spjega kif li jkunu qaddejja tal-verità ma jfissirx li jipposseduha imma li jħallu l-verità tal-Kelma ta’ Alla tħaddanhom.
L-Arċisqof żied jgħid li bħala qaddejja tal-artal huma msejħa għal ħajja ta’ talb, jippreżentaw quddiem Alla d-dgħufija tagħhom stess flimkien ma’ dik tal-umanità kollha; u bħala qaddejja tal-fqar, għandhom jiftakru li kull awtorità fil-Knisja hija servizz — “fqar jaqdu lill-fqar” — mibni fuq l-għarfien tal-faqar tagħhom stess quddiem Alla.

L-Arċisqof indirizza lil kull wieħed mid-djakni personalment. Fakkar lil Fra Mauro, ordnat f’din is-sena qaddisa ta’ San Franġisk, dwar l-għażla tal-fundatur tiegħu li jgħix fil-faqar mal-fqar. Lil Bro. Matthew u Bro. Raphael, ulied San Ġwann Bosco, fakkarhom li l-fundatur tagħhom “qatt ma fittex il-glorja tad-dinja imma kien ta’ qadi għaż-żgħażagħ” u għallem lill-edukaturi jużaw imħabba u paċenzja aktar milli ħruxija magħhom. Temm billi esprima t-tama li x-xhieda tagħhom tqanqal vokazzjonijiet ġodda, u biex inkomplu nitolbu għall-valuri tal-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza li jibqgħu dejjem sfida għal soċjetà li tiġri wara l-flus u li tuża lill-bniedem bħala strument.
//= $special ?>

