Minn Victor Camilleri
Informazzjoni li toħroġ mill-istħarriġ tal-Gallup bl-isem ‘State of the Global Workplace 2026’ turi realtà differenti minn dak li jingħad uffiċjalment f’Malta… u tqajjem mistoqsijiet serji dwar il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.
Ir-rapport tal-Gallup, State of the Workplace 2026, fir-rigward ta’ pajjiżna jpinġi stampa li diffiċli tinjoraha: f’Malta madwar 57 fil-mija tal-ħaddiema jirrappurtaw li jesperjenzaw stress ta’ kuljum, rata ħafna ogħla mill-medja Ewropea li hi ta’ 39 fil-mija u anke ogħla sew mil-livell globali li hu ta’ madwar 44 fil-mija. Fil-fatt din ir-rata ta’ stress fost il-ħaddiema Maltin hi fost l-ogħla fid-dinja.
Daqstant ieħor inkwetanti hu l-fatt li aktar minn wieħed minn kull ħames ħaddiema Maltin (madwar 22 fil-mija) jgħidu li jħossu rabja fuq bażi ta’ kuljum, sinjal ċar ta’ tensjoni li qed tinxtered kemm fil-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali.
Din l-informazzjoni toħroġ mill-istħarriġ, tikkontradixxi narrattiva komda li tipprova turi lill-ħaddiem Malti bħala l-aktar kuntent u sikur minn qatt qabel.
Jgħidulna li hemm influss ta’ miljuni kbar ta’ ewro f’benefiċċji, ħafna minnhom permezz ta’ ċekkijiet mibgħutin fid-djar tal-ħaddiema – b’mod speċjali meta tkun qed toqrob xi elezzjoni – iżda l-mistoqsija li tqum wara dan it-tagħrif, hi waħda sempliċi: jekk il-ħaddiem tassew aħjar, għaliex qed iħossu aktar stressjat u rrabjat minn qabel?
Realtà li tgħaffeġ il-kwalità tal-ħajja
Il-kuntest lokali jagħti spjegazzjoni ċara: il-ħaddiema f’Malta qed jgħixu fejn it-traffiku sar bla kontroll, b’ħafna jqattgħu bejn siegħa u sagħtejn kuljum fit-toroq. Dan ifisser inqas mistrieħ, inqas ħin mal-familja, u aktar għeja mentali.
Fl-istess ħin, iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni – li f’dawn l-aħħar snin qabżet sew in-nofs miljun – u kkawżat overpopulation vera u propja – poġġiet pressjoni kbira fuq infrastruttura li diġà kienet hi stess taħt pressjoni bla preċedent. Ir-riżultati ovvji kienu: spazji pubbliċi limitati, ambjent aktar storbjuż, u sens dejjem jikber ta’ ffullar kull fejn tkun u kull fejn tersaq.
Impenn baxx, sodisfazzjon fraġli
Ir-rapport Gallup jindika wkoll li l-impenn tal-ħaddiema – dak li fir-rapport jissejjaħ employee engagement – f’Malta hu baxx, madwar 25 fil-mija, jiġifieri tlieta minn kull erba’ impjegati mhumiex verament involuti jew motivati fix-xogħol tagħhom. Dan mhux biss jaffettwa l-produttività iżda jikkontribwixxi direttament għal livelli ogħla ta’ stress u dik li tissejjaħ burnout (eżawriment fiżiku/mentali).
Meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra, fejn qed isir investiment bis-serjetà fil-benesseri psikoloġiku u fl-ibbilanċjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, Malta tidher li qed tiddependi dejjem aktar fuq miżuri finanzjarji ta’ durata qasira milli fuq bidliet strutturali fit-tul.
Il-flus mhux kollox
Fl-aħħar mill-aħħar, il-konklużjoni hi inevitabbli: il-benesseri tal-ħaddiem ma jistax jitkejjel biss bil-flus li jidħlu fil-kont bankarju. Meta l-ħajja ta’ kuljum tkun mimlija tensjoni, storbju u ħin mitluf fit-traffiku, il-benefiċċji finanzjarji ma jikkumpensawx għat-telf fil-kwalità tal-ħajja.
Hu ovvju li dan ir-rapport tal-Gallup ma jgħidx kollox iżda jgħid biżżejjed biex iqajjem dubji serji u fondati dwar kemm hi vera l-idea li l-ħaddiem Malti llum jinsab aħjar. Għal ħafna, ir-realtà tidher deċiżament differenti… aktar flus forsi imma inqas ħin liberu, aktar stress, u sodisfazzjon li qed jonqos.
IL-PUNTI EWLENIN LI JOĦORĠU MIR-RAPPORT
-Impenn fix-xogħol Malta 25% Ewropa 12%
-Stress ta’ kuljum Malta 57% Ewropa 39%
-Rabja ta’ kuljum Malta 22% Ewropa 15%
-Dwejjaq (sadness) Malta 18% Ewropa 17%
-Solitudni (loneliness) Malta 15% Ewropa 13%
-Prosperità (life evaluation) Malta 37% Ewropa 49%
Kif il-ħaddiem Malti jipparaguna mal-ħaddiema fl-Ewropa
Skont ir-rapport ta’ Gallup, il-ħaddiem Ewropew tipiku juri livell pjuttost baxx ta’ impenn fil-post tax-xogħol (kważi 12% biss) iżda fl-istess ħin għandu livelli moderati meta mqabbel ma’ reġjuni oħrajn.
Madwar 39 fil-mija tal-ħaddiema Ewropej jirrap-purtaw stress ta’ kuljum filwaqt li r-rati ta’ rabja u dwejjaq jibqgħu taħt il-medja globali. Dan jissuġġerixxi bilanċ fraġli … impenn baxx iżda wkoll ċerta stabbiltà soċjali u sistemi li jtaffu pressjoni eċċessiva.
Meta mqabbel ma’ dan, il-ħaddiem Malti jidher li jinsab f’livell ogħla ta’ tensjoni.
Filwaqt li l-livell ta’ impenn tal-ħaddiem Malti hu ogħla sew mill-medja Ewropea, il-livell ta’ stress u rabja huma ogħla sew mill-medja Ewropea.
Dan jindika li minkejja parteċipazzjoni ekonomika b’saħħitha, il-kwalità tal-esperjenza tax-xogħol u tal-ħajja ta’ kuljum hi taħt pressjoni akbar – riflessjoni ta’ fatturi lokali li qed jagħmlu lill-ħaddiem Malti aktar espost għal tensjoni kontinwa mill-kontroparti tiegħu fil-kontinent Ewropew.
//= $special ?>

