MELITA……………………………. 0
BIRŻEBBUĠA ST PETER’S…. 3
Melita: S. Mintoff, K. Moreno Obregon (J. Yepez Morlets 67’), J. Azzopardi (B. Cassar 82’), G. Barone, K. Mohnani, K. Bondin (N. Cutajar 82’), J.P. Attard (A. Sladden 67’), A. Vella, A. Borg Olivier (Z. Grech 82’), E. Mensah, O. Allionida Quadri
Birżebbuġa: J. Pisani, J.R. Vella, J. Bolanos, M. Azzopardi, J. Walker (R. Vella 84’), D. Zerafa (L. Agius 45+1’), M. Xuereb (N. Attard 90’), Z. Cassar (E. Grioli 90’), P. Lapira (C. Baker 84’), A. de Souza Silva, D. Mosquera Torres
Skorjaw: A. Bruno de Souza Silva 29’ pen, P. Lapira 72’, Z. Cassar 78’ (B)
Referee: Daniel Portelli
Plejer tal-Logħba: Alex Bruno de Souza Silva (Birżebbuġa SP)
Birżebbuġa St Peter’s inkurunaw staġun mill-aqwa bir-rebħ tal-BOV Challenge Cup. Fil-finali għelbu lil Melita 3-0 quddiem attendenza aċċettabbli, liema rebħa waslet wara li ġimgħa u nofs qabel kisbu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni Maltija għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb.
Din il-logħba kienet partikolari minħabba li ntlagħbet fl-Istadium Nazzjonali filwaqt li għall-ewwel darba f’din il-kompetizzjoni ntużat il-Football Video Support. Din it-tieni edizzjoni kienet ikbar minn tal-istaġun li għadda hekk kif minbarra t-timijiet taċ-Challenge League, żdiedu t-timijiet tal-Ewwel Diviżjoni tal-Kampjonat Għawdxi.
It-tim immexxi minn Edgar Degabriele mar fil-vantaġġ fid-29 minuta wara li Jacob Walker twaqqa’ fil-kaxxa minn Jean Pierre Attard. Id-deċiżjoni kienet konfermata mir-referee Daniel Portelli permezz tal-Football Video Support wara sfida minn Melita. Mill-11-il metru nkariga ruħu ALEX BRUNO DE SOUZA SILVA li għeleb lil Sean Mintoff.
Melita wettqu reazzjoni u tefgħu ftit pressjoni fuq l-avversarji. Huma marru qrib il-gowl tad-draw fit-42 minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Eric Mensah li għadda ftit għoli. Fl-54 minuta, okkażjoni oħra għal Melita bi kross ta’ Alan Borg Olivier lejn Olanshile Allionida Quadri iżda l-konklużjoni mill-ewwel tiegħu ħabtet man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Birżebbuġa rduppjaw fit-72 minuta b’passaġġ preċiż ta’ Bruno de Souza Silva lejn PAUL LAPIRA li kkontrolla mill-aqwa l-ballun u b’konklużjoni fil-baxx u għar-rokna għeleb lil Mintoff. Jekk it-tieni gowl ma kienx biżżejjed, Birżebbuġa aċċertaw mir-rebħa ħames minuti wara b’kontrattakk li minnu Duvan Mosquera Torres għadda ‘l quddiem lil ZACHARY CASSAR li fuq il-ġirja skorja b’xutt għar-rokna.
Wara l-partita saret il-preżentazzjoni lil Alex Bruno da Souza Silva bħala l-Plejer tal-Logħba, lill-uffiċjali tal-logħba u l-finalisti. Il-kulminu ntlaħaq meta l-Viċi President tal-Malta FA Matthew Paris akkumpanjat mill-Kap tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u l-Avvenimenti tal-BOV Charles Azzopardi ppreżentaw it-trofew lill-captain Hubert Vella Genovese li għolla l-unur fost il-ferħ tal-partitarji preżenti.
//= $special ?>

