Madanakollu t-trakka għadha li kellha titlesta f’din il-leġiżlatura għadha ma bdietx
Mijiet attendew għall-Open Day fil-Kwart ta’ Mil f’Ħal Far, organizzata wkoll b’risq l-għaqda volontarja Puttinu.
B’uħud mid-dilettanti jinżlu Ħal Far bil-karozzi u oħrajn bil-muturi – fejn iltaqgħu sabiex jaraw proprju il-ħidma li għaddejja fuq il-kosra tal-kwart ta’ mil wara sentejn wefqin minħabba x-xogħol.
Ix-xogħol fuq il-kwart ta’ mil għaddej bil-kostruzzjoni ta’ binjiet u strutturi għal spazju kemm kummerċjali, kif ukoll ta’ paddocks, u studios tal-media fost oħrajn.
Net News tkellem ma’ membri tat-tmexxija ta’ dan il-klabb fejn spjegawlna kif ċertament l-istennija ta’ tant xhur se tippremja lid-dilettanti tal-motorsport.





U aktar tard, żar l-open day il-Prim Ministru Robert Abela fejn inevitabbilment staqsejnih dwar il-wegħda fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, fejn 4 snin ilu – iswed fuq l-abjad – kien wiegħed li fil-leġiżlatura li għaddiet mhux talli kien se jibda x-xogħol fuq it-trakka, ċioe iċ-ċirkwit, talli kienet se titlesta.
Madanakollu Robert Abela ma riedx iwieġeb, u ħarab mill-cameras tagħna.
Filwaqt li x-xogħol fuq il-kwart ta’ mil qed jitwettaq, il-wegħda tal-labour kienet li jlesti it-trakka. F’wegħda 539 kien intqal li se tinbena u titlesta fil-leġiżlatura li għaddiet b’invstiment ta’ 20 miljun ewro – dak li issejjaħ Ċentru Nazzjonali tal-Motosport.
Madanakollu s’issa dan iċ-ċentru għadu fuq il-pjanta…mingħajr ebda indikazzjoni dwar meta se jibda x-xogħol; nuqqas ta’ kredibbiltà għad-detriment tad-dilettanti.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo
//= $special ?>

