Manchester United aċċertaw minn post fil-UEFA Champions League staġun ieħor b’rebħa ta’ 3-2 f’Old Trafford kontra r-rivali Liverpool. Ir-Red Devils fil-vantaġġ wara sitt minuti b’xutt mill-kaxxa ta’ MATHEUS CUNHA. It-tim ta’ Michael Carrick irdoppja fl-14-il minuta permezz tal-opportuniżmu ta’ BENJAMIN SESKO. Sa dak il-ħin kollox deher taħt kontroll għal Manchester United iżda l-vantaġġ li bnew tilfuh kmieni fit-tieni taqsima.
Liverpool naqqsu d-distakk fis-47 minuta b’kontrattakk li minnu DOMINIK SZOBOSZLAI avvanza b’azzjoni personali twila u għeleb lil Senne Lammens wara li għadda l-ballun minn bejn saqajn Diogo Dalot. L-iskor sar 2-2 disa’ minuti wara. Minn żball difensiv tal-gowlkiper Lammens, Liverpool rebħu l-ballun qrib il-kaxxa u Cody Gakpo skorja b’xutt fil-baxx mill-qrib. Manchester United skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-77 minuta b’xutt taż-żagħżugħ KOBBIE MAINOO minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira.
Rebħa importanti għal Tottenham Hotspur b’rebħa ta’ 2-1 f’Villa Park kontra Aston Villa. B’dawn it-tliet punti Tottenham ħarġu miż-żona tar-relegazzjoni f’dik li kienet l-ewwel darba li rebħu żewġ logħbiet konsekuttivi mill-ewwel żewġ logħbiet tal-kampjonat. Il-kowċ ta’ Aston Villa Unai Emery wettaq seba’ bidliet wara t-telfa kontra Nottingham Forest fl-Europa League.
CONOR GALLAGHER fetaħ l-iskor wara 12-il minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa. L-attakkant RICHARLISON irdoppja l-iskor fil-25 minuta b’daqqa ta’ ras wara kross mil-lemin ta’ Mathys Tel. Aston Villa naqqsu d-distakk fl-aħħar sekondi tal-logħba b’daqqa ta’ ras tas-sostitut EMILIANO BUENDIA.
Bournemouth komplew jaspiraw li jiksbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropej staġun ieħor b’rebħa ta’ 3-0 kontra Crystal Palace fil-Vitality Stadium. L-iskor infetaħ wara biss 10 minuti meta Jefferson Lerma tefa’ fix-xibka tiegħu stess wara li l-ballun laħaq qabeż il-linja. ELI JUNIOR KROUPI irdoppja l-vantaġġ fit-32 minuta minn penalty. RAYAN għalaq il-logħba fis-77 minuta bit-tielet gowl ta’ Bournemouth skorjat b’xutt fil-baxx.
Premier League
Il-Ġimgħa: Leeds v Burnley 3-1
Is-Sibt: Arsenal v Fulham 3-0, Brentford v West Ham 3-0, Newcastle v Brighton 3-1, Wolves v Sunderland 1-1
Il-Ħadd: Aston Villa v Tottenham 1-2, Bournemouth v Crystal Palace 3-0, Man United v Liverpool 3-2
It-Tnejn: Chelsea v Nottingham Forest 4.00pm, Everton v Man City 9.00pm
//= $special ?>

