Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-eletturi kollha ta’ Malta u Għawdex li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat, jiġifieri dak tal-1 ta’ Mejju, 2026, suġġett għal żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Reviżur, illi uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni minn nhar it-Tnejn, 4 ta’ Mejju, 2026. It-tqassim ser isir kuljum bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. u bejn it-3.00 p.m. u d-9.00 p.m., sa nhar il-Ġimgħa l-15 ta’ Mejju, 2026.
Għaldaqstant huwa ta’ ħtieġa kbira li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.
Waqt it-tqassim tad-dokumenti għall-votazzjoni l-pubbliku ser jintalab jikkonferma li jkun irċieva d-dokument billi jiffirma fuq il-mowbajl ipprovdut mill-Uffiċjal tal-Pulizija.
Il-liġi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti. Dawn se jkunu provduti b’Biljett ta’ Awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.
Id-dokument għall-votazzjoni għandhom jinżamm f’post fejn wieħed isibu għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota f’jum il-votazzjoni.
//= $special ?>

