Sport Sport Ieħor

Sinner jirbaħ l-Open ta’ Madrid

(Ritratt: EPA)

Jannik Sinner assigura mill-ħames titlu konsekuttiv tal-Masters 1000 wara li rebaħ l-Open ta’ Madrid b’rebħa netta fuq Alexander Zverev, f’konfront li dam anqas minn siegħa. Sinner rebaħ l-ewwel set 6-1 b’Zverev kiseb biss ħames punti wara l-ewwel ħames logħbiet qabel ma rnexxielu jżomm is-service u naqqas l-iskor parzjali għal 5-1.

Fit-tieni set, Sinner kiser is-service ta’ Zverev darbtejn oħra, rebaħ it-tieni set 6-2 u għalaq il-finali f’57 minuta. Din kienet id-disa’ rebħa konsekuttiva ta’ Sinner kontra Zverev.

B’din ir-rebħa f’Madrid, Sinner sar biss ir-raba’ tennist li wasal sal-finali tad-disa’ finali ATP Masters 1000 wara l-leġġendi Roger Federer, Novak Djokovic u Rafael Nadal. Issa t-total ta’ rebħiet konsekuttivi f’dan il-livell telgħu għal 28 partita, sensiela li nkludiet it-titli f’Pariġi s-sena l-oħra u l-Indian Wells, Miami u Monte-Carlo fl-2026.

Jekk Jannik Sinner jirbaħ fl-Open tal-Italja f’Ruma, jagħmel dik li tissejjaħ Golden Masters jiġifieri li jkun rebaħ il-kompetizzjonijiet kollha tal-Masters 1000. L-uniku tennist li għamel dan hu Novak Djokovic.

F’kumment wara l-logħba, Sinner qal li l-istatistika hi sabiħa iżda fl-istess ħin saħaq li ma jistax jikkumpara lilu nnifsu ma’ Nadal, Djokovic u Federer. Hu kellu kliem ta’ tifħir għal dawn it-tliet leġġendi tal-isport u qal li hu għadu fil-bidu filwaqt li t-tennisti l-oħra għamlu li qed jagħmel hu bħalissa għal aktar minn 15-il sena.

Zverev fuq in-naħa l-oħra talab apoloġija lill-pubbliku f’Madrid u ammetta li ma kinitx l-aħjar ġurnata għalih. Il-Ġermaniż saħansitra sejjaħ lil Sinner bħala l-aqwa tennist fid-dinja fil-mument.

Tags