Basketball Sport

Caffè Moak Luxol champions tal-basketball tan-nisa għat-tlettax-il darba fl-istorja

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Rapport: Colin Schembri

STARLITES REVIVE……………… 51

CAFFÈ MOAK LUXOL…………. 62

(24-19), (14-14), (5-13), (8-16)

Caffe Moak Luxol ġew inkurunati Champions fil-basketball femminili wara rebħa ta’ 62-51 fuq Starlites Revive fit-tielet finali, biex b’hekk kisbu t-tlettax-il titlu fl-istorja tagħhom u komplew jikkonfermaw il-valur tagħhom b’team żagħżugħ u promettenti, fejn diversi players diġà kellhom suċċess fil-kategoriji ta’ taħt id-19 u taħt it-23 sena.

Mill-aspett statistiku, il-partita kienet bilanċjata għal tul ta’ ħin iżda Luxol kienu aktar effiċjenti fil-mumenti kruċjali. Huma kellhom vantaġġ fil-punti mill-fast break (18 kontra 8) u wkoll shooting aħjar miż-żona (39.6% kontra 26.2% ta’ Starlites), filwaqt li Starlites sabu diffikultà kbira speċjalment minn barra b’5 three-pointers biss minn 30 tentattiv. Barra minn hekk, Luxol kellhom ukoll produzzjoni aħjar offensivament ogħla (0.76 punt minn kull pussess kontra 0.63), fattur li għamel differenza kbira f’logħba b’ritmu baxx u punti limitati.

Għal darb’oħra, il-protagonisti ewlenin għal Luxol kienu Sarah Fenech Pace u Olivia Wikstrom li kkombinaw perfettament bejniethom. Wikstrom temmet b’27 punt u 19-il rebound, filwaqt li Sarah Fenech Pace żiedet 15-il punt u preżenza kostanti fuq iż-żewġ naħat tal-court. Appoġġ importanti wasal ukoll mingħand Eve Axisa b’8 punti u kontribuzzjonijiet oħra żgħar iżda utli li żammew il-bilanċ tat-team.

Min-naħa ta’ Starlites, Michela Zammit Cordina kienet l-aktar effettiva b’17-il punt, filwaqt li Makaila Napoleon żiedet 10 punti u Philippa Riolo temmet b’6 punti u 10 rebounds.

Il-partita bdiet b’ritmu tajjeb minn Starlites li marru 6-0 minn fuq, kollha minn Zammit Cordina. Wikstrom bdiet twieġeb għal Luxol flimkien ma’ S. Fenech Pace u sss-seba’ minuta naqqsu d-distakk għal 3 punti 12-15. Starlites għamlu 5 punti oħra minn Dabic u Napoleon biex għalqu l-ewwel sessjoni 24-19 minn fuq.

Fit-tieni sessjoni l-logħba baqgħet bilanċjata hekk kif Luxol bdew bil-punti ta’ Anna u Sarah Fenech Pace. Fit-tielet minuta Starlites kienu għadhom 30 qabel ma Luxol għamlu break qasir ta’ 7-2 u naqqsu d-distakk għal basket. Starlites kellhom trippla oħra minn Zammit Cordina u minkejja pressjoni minn Luxol, huma rnexxielhom iżommu l-vantaġġ u daħlu fil-mistrieħ 38-33 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Luxol bdew b’disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Lisa Fenech Pace u marru fuq quddiem 42-38. Starlites finalment wieġbu permezz ta’ trippla ta’ Philippa Riolo però fit-tieni nofs tat-taqsima ma sarux uaktar punti biex Luxol temmewha fuq quddiem 46-43.

Fir-raba’ sessjoni Luxol komplew jikkonsolidaw il-vantaġġ tagħhom hekk kif bdew b’run ta’ 6-0 bil-punti ta’ Wikstrom u Vanya Baldacchino. Napoleon għamlet basket għal Starliters però Luxol għamlu sitt punti oħra hekk kif bdew resqin lejn ir-rebħa finali. Zammit Cordina għamlet trippla oħra però ma kiex għad fadal ħin biex Luxol temmew il-partita 62-51 biex rebħu l-kampjonat.

Fi tmiem il-partita, s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta l-unur tal-MVP lil Olivia Wikstrom u t-trofew ta’ Champions lil captain Lisa Fenech Pace fost il-ferħ tal-paritarji numerużi tagħhom.

Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 3, C. Cilia 2, P. Riolo 6, M. Zammit Cordina 17, M. Fenech, R. Naudi 2, G. Haverlock 5, L.M. Zammit, M. Napoleon 10, J. Abela, J. Dabic 6.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott, E. Axisa 8, L. Fenech Pace 5, H. Galea, R. Fenech Pace 2, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 15, O. Wikstrom 27, V. Baldacchino 2, S. Sciberras, A. Fenech Pace 3.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu, Jacques Seifert