Kummerċ Lokali

Corinthia tirreġistra prestazzjoni b’saħħitha

Iċ-Chairman ta’ Corinthia, Alfred Pisani, spjega strateġija għal IHI plc ibbażata fuq dividendi regolari, effiċjenza mtejba u d-disponiment selettiv ta’ assi ta’ lukandi maturi biex jiġu sostnuti ritorni sostenibbli għall-azzjonisti.

Waqt li kien qed jindirizza stockbrokers wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati finanzjarji ta’ IHI, iċ-Chairman qal li l-Grupp se jiffoka dejjem aktar fuq il-profittabbiltà, u jfittex li jċedi proprjetajiet maturi biex jirrealizza ż-żieda fil-valur kapitali tagħhom, filwaqt li jerġa’ jinvesti l-fondi f’opportunitajiet b’ritorn ogħla biex jappoġġja t-tkabbir u politika konsistenti ta’ dividendi.

Element ċentrali tal-mudell huwa l-espansjoni ta’ ftehimiet ta’ ġestjoni ma’ partijiet terzi li jiġġeneraw dħul rikorrenti mingħajr il-piż tal-finanzjament tal-ispejjeż tal-iżvilupp u d-deprezzament, u jsaħħu l-marġni ġenerali permezz ta’ effiċjenza mtejba.

Huwa żied li t-tkabbir fil-kumpaniji tas-servizzi tal-Grupp – Corinthia Hotels CHL, QP-EQ u C-Rev – huwa mistenni li jikkumpensa aktar mill-impatt tad-disponiment tal-assi.

Il-kummenti taċ-Chairman ġew hekk kif IHI rrappurtat żieda qawwija fil-profitti għall-2025. Id-dħul żdied b’9.3% għal €335.3 miljun, filwaqt li l-profitt nett attribwibbli lill-azzjonisti laħaq €20.8 miljun, minn ftit aktar minn €4 miljun is-sena ta’ qabel. L-assi totali issa jaqbżu €1.9 biljun, bil-valur nett tal-assi għal kull sehem jitla’ għal €1.52, żieda netta ta’ €1 biljun.

Il-Bord irrakkomanda dividend interim ta’ 3ċ għal kull sehem, li jirrifletti kemm il-prestazzjoni kif ukoll il-fiduċja fil-prospetti tal-Grupp.

Simon Naudi, CEO ta’ IHI, qal li t-tranżizzjoni lejn mudell aktar “asset-light” diġà tidher fl-attività reċenti.

Huwa rrefera għall-bejgħ ta’ sehem ta’ 72% fil-Corinthia Hotel Lisbon, ibbażat fuq valutazzjoni ta’ €150 miljun, fejn IHI żammet sehem minoritarju u kompliet tmexxi l-proprjetà — mudell li issa qed tfittex li tirreplika ma’ assi maturi oħra, inkluż Praga.

“Aħna qed nikbru fuq kull front – bħala investituri, żviluppaturi u operaturi – iżda b’fokus aktar ċar fuq l-effiċjenza u d-dixxiplina kapitali.”

L-espansjoni tal-Grupp tkompli fi swieq ewlenin, b’i ftuħ ta’ lukandi ġodda fi New York, Brussell, Bucharest u Ruma, u pipeline dejjem jikber li jkopri l-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Asja. Il-Grupp qed ifittex ukoll kapital minn partijiet terzi għal proġetti ġodda mmexxija minn C-Rev f’lokalitajiet ġodda bħal Beverley Hills u l-Karibew.

IHI issa hija involuta f’aktar minn 30 lukanda.