Lokali Qorti

Espert jixhed dwar ammont kbir ta’ droga fil-każ tal-Manikata; Mara tqila tingħata l-ħelsien mill-arrest

Xhud espert ippreżenta dettalji dwar id-droga elevata waqt operazzjoni fil-Manikata, filwaqt li waħda mill-akkużati ngħatat il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet strettiIl-kumpilazzjoni tal-provi kontra erba’ akkużati- Alessia Di Pasquale, Teodor Laurentiu Barbulescu, Alexandru Marian Basa u Florin Serbanescu – b’rabta ma’ allegata operazzjoni ta’ traffikar tad-droga kompliet llum quddiem il-qorti, wara seduta preċedenti li matulha ġew żvelati dettalji dwar attività kriminali organizzata li allegatament kienet tinvolvi diversi sustanzi illegali.


Matul l-aħħar seduta, il-qorti semgħet kif l-akkużati allegatament kienu parti minn netwerk li kien jittratta kokaina, kannabis u drogi sintetiċi oħra, kemm għal distribuzzjoni f’Malta kif ukoll barra minnha.
Xhud li xehed kien l-ispiżjar Gilbert Mercieca, li ġie maħtur bħala espert biex jeżamina d-droga. Huwa spjega li fis-14 ta’ April 2026 kien imsejjaħ fuq il-post biex jassisti fil-ġbir tal-evidenza, fejn instab ammont konsiderevoli ta’ sustanzi suspettati li huma droga.Skont ix-xhud, ġew elevati u analizzati 20 pjanta li ġew identifikati bħala kannabis, kif ukoll total ta’ 1,676 pillola maqsuma f’19-il tip differenti. Instabu wkoll 252 doża ta’ LSD u madwar 20 gramma ta’ pilloli mfarrkin f’boroż.

Barra minn hekk, ġew elevati tmien pakketti ta’ kokaina, b’total ta’ 7 grammi, sustanza ta’ kulur kannella li kienet qed tiġi analizzata aktar, kif ukoll sustanza tal-kristalli, 35.8 gramma ketamina u 219 -il gramma raża tal-cannabis.Fil-kors tal-proċeduri, il-qorti laqgħet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Alessia Di Pasquale, li hija tqila, u ordnat li tingħata l-libertà proviżorja taħt kundizzjonijiet stretti.
Dawn jinkludu depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €60,000, kif ukoll l-obbligu li tiffirma l-ktieb tal-pleġġ erba’ darbiet fil-ġimgħa. Ġie impost ukoll ħin ta’ rinkażar.


L-akkużati l-oħra – Teodor Laurentiu Barbulescu, Alexandru Marian Basa u Florin Serbanescu – baqgħu miżmuma taħt kustodja.L-akkużati kienu tressqu taħt arrest quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace wara operazzjoni tal-pulizija fil-Manikata.Huma qed jaffaċċjaw diversi akkużi relatati mad-droga, fosthom traffikar, pussess u distribuzzjoni ta’ sustanzi bħal kokaina, kannabis, ecstasy, ketamina u LSD, f’ċirkostanzi li jindikaw li dawn ma kinux għall-użu personali.Il-prosekuzzjoni qed issostni wkoll li l-akkużati kienu qed jaġixxu flimkien, u possibbilment ma’ persuni oħra, bħala parti minn organizzazzjoni kriminali mmirata biex twettaq reati serji.

Fost l-akkużi hemm ukoll il-kultivazzjoni tal-kannabis, il-pussess ta’ raża tal-kannabis u t-traffikar ta’ sustanzi psikotropiċi mingħajr awtorizzazzjoni.L-erba’ akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontrihom u nżammu taħt kustodja, filwaqt li f’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.Matul il-proċeduri, id-difiża ta’ Alessia Di Pasquale indikat li tista’ titressaq talba għall-ħelsien mill-arrest fil-jiem li ġejjin, u talbet lill-qorti tqis il-kundizzjoni medika tagħha, fosthom li hija tqila u tbati mid-dijabete.Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Mark Mercieca flimkien mal-avukat Julian Scicluna f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li d-difiża qed tkun rappreżentata mill-avukati Jason Azzopardi, Alessandro Farrugia, Kris Busietta u Mark Mifsud Cutajar.