“Irrid Malta b’sistema ta’ taxxa aktar ġusta u moderna, li tħalli aktar flus fil-but ta’ min jaħdem, jistinka u jimxi ‘l quddiem”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika li saret it-Tnejn filgħaxija fiż-Żurrieq bit-tema ‘Nifs Ġdid’ fejn fakkar fin-numru ta’ proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista fl-ewwel ġimgħa ta’ kampanja elettorali – proposti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Alex Borg spjega li s’issa l-Partit Nazzjonalista ħareġ il-viżjoni tiegħu għas-setturi tas-saħħa u tal-enerġija. Kien hawnhekk fejn semma’ uħud mill-proposti li tħabbru s’issa:
- Gvern ġdid Nazzjonalista jraħħsu l-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30%
- Għall-bdiewa, ir-raħħala u l-għaqdiet volontarji l-kontijiet se jorħsu b’medja ta’ 15%
- Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti €60 miljun f’pannelli solari
- fis-settur edukattiv Gvern ġdid Nazzjonalista jżid l-istipendji b’25%
- Network ta’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex
- Park Nazzjonali tas-Saħħa li għandu jipprevjeni l-mard kif ukoll ikun ta’ kura għal pazjenti
- Il-mediċini kollha tal-kanċer jingħataw b’xejn
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’dawn il-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkompli joħroġ il-viżjoni tiegħu għall-pajjiżna fejn se jindirizzaw b’mod strateġiku u effettiv kull qasam tas-soċjetà.
Matul id-diskors tiegħu, Alex Borg qal li jrid pajjiż fejn l-ekonomija taqdi lill-persuna, lill-familja u lill-komunità mhux fejn il-persuna titgħaffeġ biex tkabbar l-ekonomija dan filwaqt li jrid li l-ħaddiem jaħdem biex jgħix u mhux jgħix biex jaħdem. Huwa sostna wkoll li jrid pajjiż fejn iż-żgħażagħ li jaħdmu u jfaddlu jkollhom ċans jsiru sidien ta’ darhom, jibnu familja u futur sabiħ f’pajjiżhom stess.
Alex Borg stqarr li l-Gvern m’għandux ikun ostaklu imma għandu jkun pont li jgħin lin-nies jimxu ‘il quddiem, bil-għan li ħadd ma jibqa’ lura. Huwa saħaq fuq l-importanza li jkollna sistema ta’ taxxa aktar ġusta u moderna, li tħalli aktar flus fil-but ta’ min jaħdem, jistinka u jimxi ‘il quddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li preżentament qed naraw abbuż sfaċċat minn Robert Abela dan hekk kif il-Partit Laburista fil-Gvern neħħa b’mod abussiv kull distinzjoni bejn Gvern u partit. Hawnhekk, huwa aċċenna li għal dan il-Gvern, m’hemm l-ebda distinzjoni bejn Kastilja u l-Mile End.
Alex Borg qal ukoll li l-ġimgħa li għaddiet b’ħafna pompa, u wara li kien ilu jipprova jikkonvincina li mhux ser isejjaħ elezzjoni ġenerali, fl-aħħar mument, Robert Abela sejjaħ elezzjoni generali sena qabel iż-żmien. Huwa spjega li din hija elezzjoni bejn Partit Laburista li qed jagħmel minn kollox sabiex iżomm is-siġġu tal-poter u tal-Partit Nazzjonalista li jmexxi ‘il quddiem politika ta’ viżjoni fejn irridu nagħtu nifs ġdid lil Malta u Għawdex.


