Lokali Unjoni Ewropea

Il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu – sejħa għall-parteċipazzjoni

Il-Parlament Ewropew nieda uffiċjalment is-sejħa għall-parteċipazzjoni għas-sitt edizzjoni tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu.

  • Premju annwali li jingħata għall-eċċellenza fil-ġurnaliżmu li jippromwovi jew jiddefendi l-valuri fundamentali tal-UE
  • Ir-rebbieħ jintgħażel minn ġurija indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili
  • Jingħata premju fi flus ta’ €20,000
  • Ċerimonja tal-premjazzjoni f’nofs Ottubru biex jitfakkar l-anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu jingħata kull sena għall-ħabta tas-16 ta’ Ottubru, il-jum li fih inqatlet il-ġurnalista.

Ta’ kull sena, il-Premju jingħata għall-eċċellenza fil-ġurnaliżmu li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħalma huma d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “Disa’ snin minn meta Daphne Caruana Galizia nqatlet brutalment, il-ġurnalisti madwar id-dinja għadhom qed jiġu intimidati, mhedda u assassinati. Il-Parlament Ewropew jappoġġjahom fil-ġlieda tagħhom għall-ġustizzja. Il-premju bl-isem ta’ Daphne jibqa’ simbolu qawwi ta’ dan l-impenn sod. Hija tonora lil dawk l-individwi kuraġġużi li jazzardaw jiżvelaw il-verità anke fl-aktar żminijiet mudlama. Il-libertà tal-kelma hija importanti, u mingħajr il-libertà tal-istampa, id-demokrazija nnifisha ma tistax tiġi ssalvagwardjata”.

Il-Premju hu miftuħ għal ġurnalisti professjonisti u timijiet ta’ ġurnalisti professjonisti ta’ kwalunkwe nazzjonalità. Huma jistgħu jissottomettu xogħlijiet li jkunu ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. L-għan huwa li jingħata appoġġ lill-ġurnaliżmu professjonali fis-salvagwardja tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Ġurija indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru flimkien ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Ġurnaliżmu ewlenin, se tagħżel il-parteċipazzjoni rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni ssir kull sena għall-ħabta tas-16 ta’ Ottubru, il-jum li fih inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Il-premju, inkluż il-valur fi flus ta’ €20,000, huma turija tal-appoġġ qawwi li l-Parlament Ewropew jagħti lill-ġurnaliżmu investigattiv u tal-importanza ta’ media ħielsa. Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-Parlament wissa dwar tentattivi kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha biex jimminaw il-pluraliżmu tal-media.

Il-Parlament ikkundanna ripetutament it-tentattivi biex tiġi limitata l-libertà tal-media, speċjalment l-attakki kontra l-ġurnalisti, fi kwalunkwe forma u minn kwalunkwe sors. L-aktar darba reċenti li għamel dan kien fir-rapporti tiegħu ta’ April 2026, li jevalwaw l-iżviluppi fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt. Il-Membri tal-PE kienu strumentali fl-isforz li wassal għall-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media. Dan ir-regolament storiku, li għandu l-għan li jipproteġi l-libertà tal-media kif ukoll is-sikurezza u l-indipendenza tal-ġurnalisti, daħal fis-seħħ f’Mejju 2024, u l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu saru applikabbli f’Awwissu 2025. Għal snin sħaħ, il-Parlament insista wkoll għal regoli biex tiġi indirizzata l-litigazzjoni malizzjuża, bl-għan li jipproteġu lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili minn kawżi strateġiċi li jfittxu li jsikktu l-ilħna kritiċi, u d-Direttiva tal-UE kontra s-SLAPP ġiet approvata fi Frar 2024 u għandha tiġi trasposti fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri sas-7 ta’ Mejju 2026.

Il-ġurnalisti jistgħu jissottomettu x-xogħlijiet tagħhom online fuq https://daphnejournalismprize.eu/ sal-31 ta’ Lulju 2026, f’nofsillejl (CET).

Rebbieħa tas-snin preċedenti

2021 – “The Pegasus Project”, ikkoordinat minn Forbidden Stories

2022 – Dokumentarju dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt l-influwenza Russa, ta’ Clément Di Roma u Carol Valade (ARTE/France24/Le Monde)

2023 – Investigazzjoni konġunta dwar in-nawfraġju tal-bastiment tal-migranti f’Pylos (Solomon, b’kollaborazzjoni ma’ ForensisStrgF/ARD, u The Guardian)

2024 – Investigazzjoni dwar l-għajbien ta’ tfal migranti mhux akkumpanjati (Lost in Europe)

2025 – Investigazzjoni konġunta dwar il-flotta mistura Russa, ikkoordinata minn Follow the Money

Min kienet Daphne Caruana Galizia?

Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista, bloger u attivista kontra l-korruzzjoni Maltija li rrappurtat b’mod estensiv dwar il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, il-bejgħ taċ-ċittadinanza u r-rabtiet tal-gvern Malti mal-Panama Papers.

Wara fastidju u theddid, hija nqatlet fi splużjoni kkawżata minn karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017. L-għagħa li qam dwar il-mod li bih l-awtoritajiet mexxew l-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Wara li kienu kkritikaw in-nuqqasijiet fl-investigazzjoni, f’Diċembru 2019 il-Membri tal-PE appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni.