Il-Qorti tal-Appell annullat deċiżjoni li kienet tippermetti lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) iżżomm mistur studju dwar il-kapaċità turistika tal-Blue Lagoon f’Kemmuna.F’sentenza mogħtija nhar il-Ġimgħa, il-qorti saħqet li qabel ma dokument jinżamm sigriet, irid isir bilanċ bejn l-interess pubbliku u l-argument tas-segretezza tal-Kabinett.
Il-każ inqala’ wara li l-avukata Claire Bonello talbet aċċess għal studju dwar il-kapaċità turistika tal-Blue Lagoon, li kien sar bħala parti mill-pjan ta’ ġestjoni Natura 2000 għal Kemmuna. Hija sostniet li din l-informazzjoni hija kruċjali għall-ġestjoni sostenibbli tas-sit.Madankollu, l-ERA rrifjutat li tipprovdi d-dokument, billi rreferiet għal dispożizzjoni fil-liġi tal-Freedom of Information li tipproteġi dokumenti ppreparati għall-Kabinett. Skont l-awtorità, l-istudju kien sar fuq talba ta’ kumitat tal-Kabinett u għalhekk kellu jibqa’ kunfidenzjali.
Din il-pożizzjoni kienet inizjalment ġiet sostnuta mit-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (EPRT), li kien iddeċieda li l-istudju jikkwalifika bħala dokument tal-Kabinett.
Madankollu, Claire Bonello appellat din id-deċiżjoni, fejn sostniet li l-istudju ma sarx biss għal skopijiet tal-Kabinett, iżda wkoll biex jissodisfa obbligi legali nazzjonali u Ewropej, fosthom id-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Mark Simiana irrimarka li minkejja li l-istudju jista’ jitqies bħala dokument tal-Kabinett, dan waħdu mhux biżżejjed biex jiġi miċħud l-aċċess għalih.Il-qorti enfasizzat li skont id-Direttiva Ewropea dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali, il-prinċipju ġenerali għandu jkun dak tal-pubblikazzjoni tad-dokumenti, filwaqt li r-rifjut għandu jkun eċċezzjoni.
L-Imħallef osserva wkoll li t-Tribunal kien żbalja meta qies id-dokumenti kollha flimkien, mingħajr ma evalwa kull wieħed separatament biex jiddetermina jekk jistħoqqlux protezzjoni.Il-qorti sostniet li taħt il-liġi Ewropea, l-awtoritajiet ma jistgħux japplikaw eċċezzjonijiet assoluti, iżda jridu jibbilanċjaw bejn l-interess pubbliku fit-trasparenza u r-raġunijiet għar-rifjut.Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li d-deċiżjoni tat-Tribunal kienet difettuża u ordnat li l-każ jerġa’ jintbagħat lura għal evalwazzjoni ġdida.L-ERA ġiet ukoll ordnata tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.
//= $special ?>

