Fiż-Żurrieq, l-attività tal-Partit Nazzjonalista kienet tikkonsisti f’diskussjoni interessanti li fiha pparteċipaw diversi kelliema.
Il-kandidat Jonathan Muscat, tkellem fuq l-impatt tajjeb li kellhom il-proposti tal-PN relatati mal-kontijiet tad-dawl. Muscat stqarr kemm huwa importanti li ma jkomplix jiżdied il-piż finanzjarju fuq il-familji, kif ukoll nipprovaw intejbu l-kwalità tal-arja ta’ pajjiżna. Il-kandidat tal-PN tkellem fuq kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitfa’ fiċ-ċentru tal-attenzjoni dawk in-nies li jgħixu waħedhom, kif ukoll il-każini tal-banda, futbol u organizzazzjonijiet.

Malcom Zammit, li kien jokkupa il-kariga ta’ President tal-Kamra tal-Inginiera għal numru ta’ snin, tkellem dwar l-għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli maħruġa min-Nazzjonijiet Uniti lura fl-2015.
U qal li l-Gvern Laburista qiegħed iwettaq politika li ma jimxux ma’ dawn il-miri, filwaqt li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista, speċifikament fuq il-panneli solari, jimxu ma’ dawn l-għanijiet. Zammit tkellem fuq l-importanza tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u kif hi waħda mill-iżjed sfidi importanti li se jaffrontaw il-ġenerazzjonijiet tal-futur; u għalhekk il-proposti tal-PN juru li Gvern Nazzjonalista lest li jiġġieled din il-ġlieda, mingħajr ma jitfa’ piż finanzjarju fuq il-familji Maltin.

Mark Anthony Sammut tkellem dwar il-pjan tal-PN għall-enerġija, il-kontijiet tad-dawl tal-għaqdiet volontari, u l-kontijiet tad-dawl tal-bdiewa u r-raħħala. Mark Anthony Sammut stqarr li l-investiment se jkun wieħed rikorrenti, fejn sena wara sena, il-poplu Malti se jgwadi minn kontijiet irħas.
Hu qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed isolvi l-problema b’mod strutturali, biex isolviha darba għal dejjem. Sammut tkellem fuq il-ħames proposti maħruġa mill-PN, fosthom li jneħħi l-kera tal-meter mill-kontijiet tad-dawl residenzjali.
It-tieni miżura hija li tikber il-faxxa ta’ units li wieħed jikkonsma, u li dawn jinżlu għall-inqas rata possibli; bil-faxxa tikber minn 2,000 unit għal 6,000 unit.
It-tielet miżura tikkunsidra lil dawk li jgħixu waħedhom, sabiex jibdew igawdu iżjed mill-Eco-Reduction u jkunu jifilħu iżjed il-piż finanzjarju tal-kontijiet tad-dawl. Iż-żewġ miżuri l-oħra huma relatati mal-bdiewa, raħħala u għaqdiet volontarji, fejn dawn l-entatijiet se jgawdu minn kontijiet irħas billi se jkunu eżentati illi jħallsu għall-meter tad-dawl, kif ukoll igawdu minn roħs fid-dawl.
Sammut ikkonkluda billi ħeġġeġ in-nies jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, sabiex mill-1 ta’ Ġunju, Gvern Nazzjonalista jibda’ jwettaq dawn il-proposti, u mill-1 ta’ Jannar, il-poplu Malti jibda jgawdi minnhom.



