Il-bidla ma tiġix minn min ħoloq il-problemi, imma minn dawk li għandhom il-kuraġġ u d-determinazzjoni li jagħmlu l-bidla.
“Din hija l-wegħda li rrid nagħmel magħkom: li mill-ġdid noħolqu sistema tas-saħħa li taħdem, li tagħti l-appoġġ lill-pazjenti u lill-professjonisti, fejn id-dinjità, il-kura u l-fiduċja ma jibqgħux biss wegħdi, imma jsiru realtà. Fit-30 ta’ Mejju, il-vot tiegħek mhux sempliċiment għażla, imma dikjarazzjoni li ż-żejjed huwa żejjed u li Malta jistħoqqilha aħjar.”
Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, li spjega li s-settur tas-saħħa huwa fejn il-gvernijiet jiġu ġġudikati, mingħajr tidwir tal-fatti u slogans, u li fil-preżent is-sistema qed tfalli milli tlaħħaq mad-domanda tal-pazjenti li hija mistennija li sservi.
F’kitba ta’ opinjoni fuq it-Times of Malta, huwa stqarr li wara 13-il sena ta’ Gvern Laburista fil-poter, qed naraw il-konsegwenzi tan-negliġenza, u kien għalhekk li mill-bidu nett ta’ din il-kampanja elettorali l-Partit Nazzjonalista beda mis-settur li jagħti d-dinjità, is-sigurtà u l-kwalità tal-ħajja: is-settur tas-saħħa.
In-nazzjon jista’ jiddibatti diversi affarijiet, fosthom il-liġijiet, il-prijoritajiet u anke l-politika, iżda meta persuna tisfa ma tiflaħx, xejn minn dan ma jimporta. Dak li verament jimporta huwa jekk is-sistema taħdimx, jekk il-kura hijiex aċċessibbli, u jekk il-kura tingħatax b’mod urġenti.
Illum, xejn minn dan ma huwa żgur.
Alex Borg għamel referenza għall-artiklu tat-Times of Malta, fejn diversi pazjenti li qed jistennew operazzjoni qed jitħallew fi swali li suppost jintużaw għal skopijiet oħra, u għalhekk qed jitqajjem tħassib li tista’ sseħħ xi traġedja.
“Dan mhux sempliċiment ineffiċjenza, imma falliment fir-responsabbiltà. Hija sistema fejn il-ħaddiema qed ikunu eżawriti, il-pazjenti saru sempliċement numri, u fejn dawk li jaħdmu f’dan is-settur qed iħossu li ħadd mhu qed jismagħhom, ħadd mhu qed jagħtihom l-appoġġ, u fuq kollox bla motivazzjoni, madankollu xorta jibqgħu jaħdmu. Għal dan huma jistħoqqilhom aktar gratitudni.”
L-isfidi huma ċari: il-ħinijiet ta’ stennija għall-operazzjonijiet m’għadhomx sempliċiment twal, iżda saru eċċessivi. Dan mhux biss dwar ħin, iżda dwar il-perjodu li fih il-pazjenti jitħallew bl-uġigħ.
Malta jistħoqqilha aħjar, u l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ċara u bbażata fuq prinċipju wieħed: is-settur tas-saħħa għandu jaħdem għall-poplu u mhux kontrih. Dan jinvolvi infrastruttura adegwata. Hawnhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza għal proposta ta’ erba’ sptarijiet: sptar ġdid fit-Tramuntana ta’ Malta, sptar ġdid f’Għawdex, ir-rinnovar tal-Paola Hub fi sptar, u investiment sinifikanti f’Mater Dei, flimkien ma’ Pjan Nazzjonali tas-Saħħa.
Madankollu, l-infrastruttura mhix biżżejjed, spjega Alex Borg, hekk kif il-bini ma jfejjaqx lill-pazjenti, imma n-nies ifejqu lin-nies. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ppropona żieda fl-istipendji tal-istudenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa għal kważi elf ewro.
Se jiġu indirizzati wkoll in-nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur, billi għal żmien temporanju jiġu koperti l-ispejjeż relatati mar-reklutaġġ. Fl-istess ħin, se jiġi introdott inċentiv biex speċjalisti Maltin li telqu mill-pajjiż jirritornaw, permezz ta’ ħames snin eżenzjoni mit-taxxa.
Mhux hekk biss, iżda fl-ewwel mitt jum, il-Partit Nazzjonalista jibda diskussjonijiet mal-istakeholders biex jitjiebu l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
Dan flimkien ma’ proposta oħra dwar il-mediċina: li l-kura kollha tal-kanċer tkun kompletament b’xejn.
Għal żmien twil wisq, il-pazjenti tħallew jitqiesu bħala numri. “Jien nirrifjuta li nħalli dan iseħħ. Kull pazjent huwa missier, omm, tifel jew tifla — persuna bi storja warajha.”
//= $special ?>

