L-aħħar dikjarazzjonijiet ta’ Robert Abela dwar ir-riforma tal-ippjanar u dwar reviżjoni possibbli tal-Pjani Lokali jikkonfermaw b’mod ċar dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq fuqu mill-bidu nett, jiġifieri li meta kien fil-gvern, il-Partit Laburista ippjana intenzjonalment li ma jippjanax iżda jaġixxi biss skont il-konvenjenza politika tal-mument.
Minkejja li Robert Abela konvenjentement qed jipprova jippreżenta ruħu bħala wieħed li jfittex il-kunsens u li jrid jaqbel ma’ kulħadd, kulħadd jiftakar dak li ġara ftit xhur ilu, meta l-Gvern ressaq abbozzi ta’ liġi tal-ippjanar li kienu mgħaġġla, bla konsultazzjoni, u li kienu jnaqqsu b’mod sinifikanti d-drittijiet taċ-ċittadini u s-salvagwardji legali li jipproteġuhom.
Il-Partit Nazzjonalista diġà qal li dawn il-proposti huma attakk dirett fuq is-sistema tal-ippjanar u li kienu se jdgħajfu l-fiduċja tan-nies, filwaqt li jiftħu l-bibien għall-abbużi u l-illegalitajiet. Issa, mingħajr mistħija, għax ninsabu f’kampanja elettorali, wara li dawn l-emendi ġew ippreżentati mingħajr l-iċken forma ta’ konsultazzjoni u mingħajr ebda studju jew analiżi tal-impatt, Robert Abela qed jgħid li mexa ’l quddiem mal-NGOs li qed jaqblu miegħu fuq numru ta’ punti – bl-NGOs kostretti joħorġu stqarrija u jgiddbuh.
Wara li f’Lulju li għadda, ried li jgħaddi dawn il-liġijiet bil-għaġla kollha, issa hu ċar li Robert Abela ma biddilx id-direzzjoni tiegħu għax kien konvint, iżda għax kellu jċedi għall-pressjoni pubblika u politika. Għal darba oħra, il-Partit Laburista qed juri li m’għandux pjan għall-ippjanar u għalhekk, qed jirreaġixxi u mhux imexxi b’viżjoni u b’responsabbiltà.
Fl-istess waqt, ir-reazzjoni tal-għaqdiet ambjentali kienet waħda kategorika, fejn sostnew li ma jaqblux mar-riforma proposta u wissew li l-bidliet kienu perikolużi u insalvabbli. Huma esprimew ukoll tħassib serju dwar il-possibbiltà li reviżjoni tal-Pjani Lokali tintuża biex jitnaqqsu l-protezzjonijiet eżistenti, inkluż f’zoni barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ), kif ukoll li dan isir mingħajr studji jew impact assessments, minkejja li dawn il-bidliet jistgħu jaffettwaw sa nofs miljun persuna.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li kull riforma fis-settur tal-ippjanar trid tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika soda, inklużi studji serji bħall-carrying capacity, u trid issir bi proċess trasparenti u parteċipattiv li jinkludi lill-komunitajiet kollha. Mingħajr dawn il-prinċipji, kull tibdil jirriskja li jsir kontra l-interess pubbliku u favur interessi partikolari.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu li riforma serja trid tkun olistika, ġusta u trasparenti, u li trid tpoġġi lill-bniedem u lill-ambjent fiċ-ċentru tas-sistema tal-ippjanar. Din mhix kwistjoni teknika biss, iżda kwistjoni fundamentali ta’ fiduċja fil-governanza tal-pajjiż.
Robert Abela, li pprova jgħaddi dawn it-taparsi riformi mingħajr l-ebda konsultazzjoni, ma jistax illum jippretendi li jmexxi riforma kredibbli. Il-poplu jixraqlu aħjar minn approċċ ibbażat fuq konvenjenza u u-turns.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jiddefendi lill-komunitajiet u lill-ambjent, filwaqt li jressaq riforma vera li terġa’ tibni l-fiduċja fis-sistema tal-ippjanar u tagħti nifs ġdid lil pajjiżna.
//= $special ?>

