MeDirect Bank ġie kkonfermat bħala s‑Sieħeb Bankarju Uffiċjali tal‑ewwel edizzjoni ta’ Spartacus TriSports Gozo, avveniment ta’ reżistenza li jgħaqqad il‑Hybrid Steel, ġiri u l‑għawm f’ilma miftuħ. L‑avveniment se jsir f’Marsalforn, nhar is‑7 ta’ Ġunju 2026.
Otters Aquatic Sports Club (Otters ASC), l‑organizzaturi u promoturi ta’ Spartacus Gozo, ħabbru s‑sħubija ma’ MeDirect bħala parti mill‑ewwel edizzjoni ta’ dan l‑avveniment sportiv ġdid, li se jittella’ f’Marsalforn, Għawdex.
Spartacus inħoloq u hu organizzat minn Otters ASC bħala parti minn strateġija usa’ li għandha l‑għan li ssaħħaħ l‑inklużjoni fl‑isport u toffri opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni lil atleti b’abilitajiet u livelli differenti f’Għawdex u f’Malta, kif ukoll lill-parteċipanti barranin.
L‑avveniment jintroduċi korsijiet u postijiet ġodda li jippermettu lill‑kompetituri jittestjaw il‑limiti tal‑prestazzjoni tagħhom f’dixxiplini differenti, fosthom il‑Hybrid Steel, ġiri u għawm f’ilma miftuħ. Ir‑reġistrazzjonijiet diġà bdew u huma miftuħa għal firxa wiesgħa ta’ parteċipanti; minn atleti professjonali u semi‑professjonali sa dilettanti. L‑organizzaturi introduċew ukoll kategoriji aktar aċċessibbli, inkluż kompetizzjoni amikevoli fil‑Gladiator’s Arena kif ukoll tiġrijiet separati ta’ ġiri jew għawm f’ilma miftuħ.
MeDirect għażel li jappoġġja lil Spartacus Gozo għax il-mod kif isir l‑avveniment u n-nies li jipparteċipaw fiħ jaqbel mal‑valuri tal‑bank. Dan jinkludi t-twemmin li kulħadd għandu jingħata l-fiduċja u l-għodda biex jikber, kemm fil-finanzi tiegħu kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum.
Larissa Ciantar, Head of Personal Banking f’MeDirect, spjegat ir‑raġuni wara dan l-appoġġ: “Bħala bank Malti, MeDirect qed jisfida l‑istatus quo billi joffri aċċess għal servizzi bankarji ta’ kuljum u tan‑negozju, kif ukoll firxa estensiva ta’ prodotti ta’ investiment. Permezz tan‑netwerk diġitali u fiżiku tagħna, stabbilixxejna objettivi ambizzjużi biex noffru servizz effiċjenti u ta’ kwalità għolja. Bl‑istess spirtu, il‑Kumitat Organizzattiv ta’ Spartacus u l‑atleti li se jipparteċipaw qed jistabbilixxu standards għoljin għalihom infushom. Flimkien, aħna impenjati li naħdmu bis‑sħiħ u nkomplu nimmiraw ’il quddiem sabiex nilħqu l‑għanijiet tagħna u dawk tal‑klijenti tagħna.”
Min‑naħa tiegħu, Mark Camilleri, Club Manager ta’ Otters ASC u Direttur ta’ Spartacus Gozo, qal: “Spartacus huwa ħolma li saret realta għal Otters ASC hekk kif inkomplu nkabbru l-attivita sportiva li noffru lill‑komunitajiet tagħna f’Għawdex, f’Malta u lil hinn, inkluż lill‑viżitaturi internazzjonali. Otters huwa klabb magħruf u rispettat għall‑kompetenza tiegħu kemm fil‑pixxina kif ukoll fil‑Baħar Mediterran fl‑għawm u fil‑waterpolo. Bi B’Spartacus, qed neħorġu mill‑ilma u nintroduċu wkoll sfidi fuq l‑art, fosthom il-format il-ġdid Hybrid Steel, għal atleti ta’ reżistenza li jixtiequ jiġu Marsalforn, Għawdex, biex jikkompetu fil‑beraħ u jgawdu il‑kosta sabiħa tal‑Mediterran. Spartacus qed jiftaħ kapitlu ġdid għall‑isport f’Għawdex, f’Malta u anke fuq livell internazzjonali. Aħna tassew ħerqana li se nilqgħu daqshekk kompetituri f’Marsalforn biex igawdu l-bajja tagħna tal-ilma blu mill-isbaħ, ir-rotot tat-tiġrijiet tul il-kosta, u dak kollu li l-gżira għandha x’toffri lill-kompetituri, lill-familji u lill-ħbieb tagħhom.”


