Albert Buttigieg
Shadow Minister
għall-Familja
u s-Sigurtà Soċjali
Qiegħed mill-ġdid nilqa’ l-istedina li saritli mill-Partit Nazzjonalista biex għal darb’oħra nikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista fid-9 u fl-10 distrett.
Għalija din hi opportunità oħra biex inkun ta’ servizz għall-ġid komuni ta’ pajjiżna. Nemmen bis-sħiħ li l-politika vera hija dik li hija għas-servizz tal-ġid komuni! Kull persuna li tidħol għall-politika għandha tagħmel dan biex toffri servizz u mhux biex tinqeda u tisserva bil-politika!
Għalija, il-politika mhix dwari u lanqas mhi dwarek. Il-politika hija dwarna. Pajjiżna jieħu r-ruħ meta nagħmlu l-politika ta’ flimkien, jiġifieri politika fejn il-kelma ‘aħna’ tiġi qabel il-kelma ‘jiena’. Għaldaqstant, għalija l-kelma ‘flimkien’ turi l-ħidma għal ġid komuni. Il-ġid komuni huwa dak il-ġid li jmur lil hinn mill-interessi tal-ftit waqt li tħares l-interessi tal-ħafna.
Għaldaqstant, nixtieq nagħmel politika li tħares l-interessi tal-ħafna u mhux tal-ftit.
Nemmen bis-sħiħ li dan huwa proprju l-valur fundamentali li dejjem dawwal u għaġġen lil Partit Nazzjonalista matul iż-żminijiet. Il-Partit Nazzjonalista gawda l-fiduċja tal-poplu u għamel riformi u inizjattivi kbar proprju meta għaliex ġab l-ewwel mhux l-interessi tal-ftit jew inkella tal-Partit imma tal-ġid komuni. Sfortunatament, din hija b’kuntrast qawwi mal-Partit Laburista li kważi dejjem fittex l-interessi tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru l-ewwel qabel kollox.
Għaldaqstant nixtieq qatigħ li nkun il-vuċi lil dawk il-valuri li ngħożż. Dawn huma:
Il-ħarsien tal-ambjent tagħna
Ilkoll naqblu l-ambjent jinsab taħt assedju ta’ dawk li ma għandhomx xebgħa. L-ebda lokalità m’hi ħielsa minn dan il-bini sfrenat kollu. L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna. Jekk mhux se nieħdu ħsieb l-ambjent u nkomplu nagħmlu freġju minnu, allura se nkunu mhux biss nagħmlu pajjjiżna belt waħda imma se jkollna diversi problemi ta’ saħħa mentali. L-istudju juri biċ-ċar li hemm rabta sħiħa bejn is-saħħa mentali u bini żejjed li ma jħallix spazji miftuħa!
Għalhekk bħala Partit iridu neżaminaw sew il-policies eżistenti tal-kostruzzjoni u nieħdu bla biża’ dawk il-passi meħtieġa. Personalment nemmen li dawn il-policies għandhom bżonn li jiġu reveduti u ssir masterplan nazzjonali fejn l-ambjent jingħata aktar importanza u ħarsien. Imma l-ħarsien tal-ambjent mhumiex biss il-kostruzzjoni imma l-kwalità tal-arja u dik tal-baħar, hija l-ħarsien tal-annimali u l-ħtieġa li jkun imħarsa s-siġar u l-ispazji miftuħa.
Il-ħtieġa tal-inklużjoni
B’hekk ħadd ma jibqa’ lura, b’mod partikolari l-anzjani tagħna.
Hemm bżonn aktar kura u servizz għalihom fil-komunitajiet tagħna. Hemm bzonn li jingħataw aktar serħan il-moħħ.
Huwa d-dover tagħna lkoll li l-anzjani wara snin ta’ servizz u ħidma, iħossuhom b’rashom mistrieħa u siguri. Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem ta sostenn lil anzjani tagħna u daħħal diversi skemi fejn huma setgħu jibqgħu jgħixu f’djarhom u fil-komunità tagħhom stess.
Ninsab ċert, li l-PN mill-ġdid fit-tmexxija, l-anzjani se jkollhom aktar sigurtà u ħarsien.
Il-bżonn tal-ġustizzja soċjali
Nemmen f’politika għal ħafna u mhux għal ftit. Il-Gvern Laburista għamel lil ftit meqjusa tal-qalba sinjuri u lil ħafna tawhom biss il-loqom! Il-Gvern Laburista lil ta’ madwaru tawhom ħafna imma l-oħrajn tawn bil-karità!
L-istudju juri biċ-ċar li d-distakk bejn il-fqir u s-sinjur qiegħed jikber. Issa hemm distakk ieħor, bejn is-sinjur u ta’ dawk tal-qalba Laburista! Il-Gvern Laburista rnexxielu joħloq klassi soċjali ġdida! Il-politika vera hija dik li tqassam il-ġid ugwali lil kulħadd mingħajr ma tara wiċċ ta’ ħadd!
Fil-qosor dan huwa l-ispirtu li bih dieħel għal din il-kandidatura. Din hija l-viżjoni u l-ħidma tiegħi bħala kandidat.
Jekk taħseb li nista’ nagħmel differenza u nista’ nkun ukoll nifs ġdid fil-partit u fil-pajjiż, bl-umiltà se nkun qed nitolbok il-fiduċja tiegħek.
F’dawn l-aħħar 40 sena okkupajt diversi rwoli u responsabbiltajiet fis-setturi soċjali, reliġjużi, edukattivi u maniġerjali, fosthom: għalliem, Patri Franġiskan Kapuċċin, manager fis-Sedqa, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Amministratur f’Caritas Malta Direttur fl-Equal Partners li taħdem fost it-tfal b’diżabbiltà, Viċi Sindku/Sindku f’San Ġiljan u f’dawn l-aħħar erba’ snin Deputat tal-Kamra u kelliem fuq il-ħarsien tal-familja, it-tfal u newrodiverġenza.
F’kull rwol u responsabbiltà li kelli dejjem għamilt ħilti b’onestà u b’integrità sħiħa biex naqdi dmiri kif kien mitlub minni.
Għal darb’oħra, nixtieq inkun il-vuċi tiegħek.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Mejju, 2026.
//= $special ?>

