Enerġija Lokali

PROPOSTI PN: Roħs fil-kontijiet tad-dawl u għajnuna lill-għaqdiet volontarji, il-bdiewa u r-raħħala

Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi l-kirja fuq il-meter tad-dawl għall-familji u jestendi il-units tal-familji li jiġu iċċarġjati bl-inqas rata. Għal min hu single se jiġu estiżi l-units li jkunu iċċarġjati bl-eko-riduzzjoni. U meta wieħed iqis dawn il-miżuri flimkien, il-familji Maltin u Għawdxin se jesperjezaw roħs medju ta’ 30% fil-kont tad-dawl. Flus li se jibqgħu fil-bwiet tan-nies.

Dan ħabbru l-Kap tal-PN Alex Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn, u li matulha preżenta fid-dettall din il-proposta tant importanti – li turi kif b’mod prattiku, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jgħin lill-familji biex jibqalhom aktar flus fil-but.

Il-miżura tal-kirja tal-meter se jibbenefikaw minnha 228,000 kont residenzjali. U dawn se jiffrankaw bejn €65 u €195, skont il-meter.

Apparti minn hekk, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jappoġja lill-bdiewa u r-raħħala, kif ukoll lill-għaqdiet volontarji sabiex jorħos il-piż tal-kont tagħom.

Dan billi titneħħa l-kirja tal-meter tad-dawl.

Il-PN preżenta wkoll il-costings dettaljati ta’ dawn il-miżuri importanti. Id-deputat Mark Anthony Sammut semma’ kif l-investiment f’pannelli solari se jkun qed jgħin biex jiffinanzja dan il-pjan li qed jiġi preżentat mill-PN.

Fi kliem sempliċi, il-qalba lejn enerġija rinnovabbli se tiffinanzja dan il-programm ambiżjuż u innovattiv li se jiswa’ madwar €30 miljun ewro.

Dan se jwassal ukoll biex il-pajjiż ma jibqax dipendenti fuq il-gass u ż-żejt, iżda jaqleb dejjem aktar lejn sorsi alternattivi – bħall-enerġija mix-xemx.