Lokali

Starlites Revive champions ġodda tal-basketball Malti

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Rapport: Colin Schembri

STARLITES REVIVE…………. 98

HIBERNIANS………………….. 77

(25-22), (31-15), (23-22), (19-18)

Starlites Revive ġew inkurunati champions tal-basketball Malti wara rebħa konvinċenti ta’ 98-77 fuq Hibernians fil-ħames partita tas-serje, biex b’hekk kisbu r-raba’ titlu tagħhom f’ħames snin u kkonfermaw id-dominanza tagħhom f’dawn l-aħħar staġuni. Kien staġun mill-aqwa għat-team immexxi minn Paul Ferrante fejn mhux biss rebħu l-erba’ unuri li kien hemm dan l-istaġun iżda rnexxielhom jagħmlu wkoll 22 partita konsekuttiva mingħajr telfa.

Il-prestazzjoni tagħhom kienet waħda kważi perfetta, b’kontroll assolut tal-partita għal aktar minn 35 minuta u vantaġġ li laħaq massimu ta’ 26 punt. Starlites kienu ferm superjuri fuq diversi aspetti tal-logħba, speċjalment fiż-żona fejn skorjaw 52 punt kontra 26 ta’ Hibernians, kif ukoll fit-tranżizzjoni b’28 fast break points.

Barra minn hekk, il-bank tagħhom ta kontribut kbir b’50 punt, fattur li kompla juri l-fond u l-bilanċ tat-team tul il-partita kollha. Individwalment, Musa Jallow kien mill-aqwa b’25 punt u 9 rebounds, filwaqt li Jackson Threadgill kellu prestazzjoni eċċellenti b’29 punt u effiċjenza għolja ħafna speċjalment mill-free throw line. Matthew Scerri żied 12-il punt u Alec Felice Pace temm bi 8 punti, filwaqt li diversi players oħra taw kontribut importanti biex iżommu livell għoli konsistenti tul il-logħba kollha.

Għal Hibernians, Ayomide Ajiboye u Deonte Jackson ippruvaw iżommu lit-team fil-logħba bi 13 u 16-il punt rispettivament, iżda d-differenza fil-fond u fl-effiċjenza bejn iż-żewġ naħat kienet evidenti hekk kif il-partita kompliet tiżvolġi.

Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn kienu Hibs li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 4-1 bi  iwieġbu bil-punti ta’ Jallow u Alec Felice Pace. Neil Cassar kellhu trippla għal Hibs li sas-sitt minuta kienu għadhom fuq quddiem 11-9. Hawn Starlites għamlu sitt punti mingħajr risposta qabel ma Matthew Attard għamel trippla oħra għal Hibs. Starlites għalqu t-taqsima b’żewp trippli ta’ Threadgill biex temmewha fuq quddiem 25-22.

Fit-tieni perjodu, Starlites kellhom l-aħjar bidu bi break ta’ 11-2 bi trippla ta’ Iturmendi u fetħu vantaġġ ta’ 12-il punt 36-24. Għal Hibs kien hemm risposta minn Elijah Simmons però Jallow u Threadgill kisbu aktar punti għal Starlites flimkien ma’ Kai Fabri u trippla ta’ Scerri biex daħlu jistrieħu 56-37 minn fuq.

Wara l-intervall, A. Felice Pace u Jallow bdew bill-punti għal Starlites għalkemm Hibs kellhom risposta bi trippli minn Jackson u Simmons. Starlites però bdew jiksbu runs qosra li gradwalment rawom ikabbru l-vantaġġ għal 26 punt fid-disa’ minuta 77-51. Jackson kompla jitħabat għal Hibernians b’żewġ trippli oħra però d-distakk baqa’ ta’ 20 punt fi tmiem is-sessjoni 79-59.

Hibernians għamlu l-aħħar sforz fil-ftuħ tal-aħħar perjodu fejn ippruvaw jirrepetu r-rimonta tar-raba’ partita. Huma kellhom żewġ trippli ta’ Stefan Simic u oħra minn Stelmach u fis-sitt minuta naqqsu d-distakk għal 11-il punt 85-74.Starlites però ma ħallewx il-partita taħrab minn idejhom u għalquha b’sensiela ta’ free-throws konsekuttivi li tawhom ir-rebħa u l-kampjonat.

Musa Jallow intgħażel bħala l-MVP tal-finali u ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva mis-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat. Stefan Abela, Maniġer tar-Relazzjonijiet mal-Komunità fil-Bank of Valletta ippreżenta it-trofew tal-Kampjonat BOV tal-Basketball lil captain ta’ Starlites Matthew Scerri fost il-ferħ tal-partitarji numerużi tagħhom.

Starlites Revive: A. Felice Pace (8), K. Fabri (6), T. Fee (4), A. Aquilina, S. Pace, I. Felice Pace (6), M. Fabri (3), M. Scerri (12), J. Iturmendi (5), J. Threadgill (29), K. Xuereb, M. Jallow (25)

Hibernians: N. Cassar (3), E. Simmons (13), A. Ajiboye (13), L. Attard, L. Farrugia, P. Stelmach (3), V. Kustudija, M. Gouder (6), D. Jackson (16), M. Attard (5), I. Demcesen (10), S. Simic (8)

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Miguel Pablo De Flavia.