Lokali Qorti

Ħames turisti Ingliżi jitressqu l-Qorti fuq droga u “laughing gas” wara festival f’San Pawl il-Baħar

Ħames turisti Ingliżi l-Qorti fuq droga u “laughing gas” wara festival f’San Pawl il-Baħar.


L-Erbgħa li huma ammettew traffikar u pussess ta’ kokaina u ketamina, waqt li ħames imputat jiċħad; il-każ iqajjem ukoll tħassib dwar l-użu illegali tal-“laughing gas” li għadu kif ġie illegalizzat.


Huma tressqu l-Qorti t-Tieta akkużati b’pussess u traffikar ta’ droga, kif ukoll bl-użu illegali tal-hekk imsejjaħ “laughing gas”, waqt li kienu f’Malta għall-festival tal-mużika Higher Love.


Erbgħa minnhom – Joel Anthony Dutton ta’ 25 sena, Connor Kenneth Loftus, Joshua Edward Pollard, u Jack James Farrell, kollha ta’ 22 sena – ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.


Dawn l-akkużi kienu jinkludu traffikar u bejgħ ta’ kokaina u ketamina, kif ukoll pussess tal-istess sustanzi u li ma obdewx l-ordnijiet tal-pulizija.


Dan il-każ beda meta xi persuni li kienu għaddejjin minn Triq Dawret il-Ġżejjer, f’San Pawl il-Baħar, innutaw lill-irġiel bilqiegħda fuq ċint jużaw il-laughing gas.


Kollha kienu liebsa brazzuletti li jagħtu aċċess għall-festival Higher Love, li sar fil-Café del Mar f’Malta bejn it-30 ta’ April u l-4 ta’ Mejju.


Waqt l-intervent tal-pulizija, ġew ikkonfiskati ħames ċilindri tal-“laughing gas” kif ukoll ammont ta’ ketamina.


Il-ħames imputat, Connor James Barlow ta’ 24 sena, li fil-qorti qal li ma jaħdimx, ċaħad l-akkużi kontrih. Huwa waħdu kien ukoll akkużat li kien fil-pussess ta’ madwar 11-il gramma kokaina, liema ammont deher li ma kienx għall-użu personali tiegħu.


Ta’ min jinnota li x-xahar li għadda, l-użu rikreattiv tal-“laughing gas” ġie pprojbit.


Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, imponiet multi li jvarjaw bejn €55 u €271 fuq l-imputati, u ordnat ukoll il-konfiska tad-droga u tal-kanisters.


Fil-każ ta’ Barlow, id-difiża indikat li mhux se tkun qed titlob il-ħelsien mill-arrest. Inħarġet ukoll ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tiegħu.


Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Nadia Ciappara f’isem l-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Bradley Grima, filwaqt li l-imputati kienu assistiti mill-avukati Alexia Vassallo u Silvan Pulis.