Raġel ta’ 33 sena mill-Imsida ngħata l-libertà taħt il-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor għal sena wara li ammetta li kiser ordni ta’ protezzjoni billi bagħat xi messaġġi lill-eks sieħba tiegħu permezz ta’ Facebook Messenger.
Il-każ beda jumejn ilu meta l-mara għamlet rapport lill-pulizija, u spjegat li minkejja li fit-13 ta’ April kienet ingħatat ordni ta’ protezzjoni li tipprojbixxi kull kuntatt, l-akkużat xorta bagħtilha xi messaġġi.
Fil-messaġġi, ir-raġel allegatament qalilha li għadu jħobbha u pprova jikkonvinċiha biex jerġgħu jirranġaw ir-relazzjoni tagħhom.
Il-Qorti semgħet kif il-mara kienet diġà bblokkjatu minn diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, iżda mhux minn Facebook, li użah biex jagħmel kuntatt magħha.
Ir-raġel ammetta l-akkużi kontrih.
Wara l-ammissjoni tiegħu, il-Qorti sabitu ħati u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmel l-ebda reat ieħor fi żmien sena.


