Lokali

Baraxx ta’ kritika għall-barrikati li ġew installati fiż-Żejtun

“Koroh, perikolużi u inkonvenjenti.”

Kienet din ir-reazzjoni li esprimew bosta residenti Żwieten b’rabta mal-barrikati li ġew installati fi Triq President Anton Buttigieg, fiż-Żejtun.

Fuq il-midja soċjali kienu bosta il-persuni li esprimew il-frustrazzjoni tagħhom u kkritikaw dan il-pjan li ġie implimentat mis-sindku Joan Agius, mingħajr ebda konsultazzjoni jew tip ta’ notifikazzjoni.

F’informazzjoni mibgħuta lill-din il-kamra tal-aħbarjiet, ingħad li dawn il-barrikati qed jostakolaw l-aċċess għal garaxxijiet privati – xi ħaġa li qed toħloq inkonvenjent għar-residenti sabiex jidħlu jew joħorġu b’mod sigur fil-proprjetajiet tagħhom. Barra minn hekk dawn il-barrikati ħolqu djuq fit-triq. Tant li qed joħolqu periklu għas-sewwieqa filwaqt li qed iżidu wkoll ir-riskju ta’ inċidenti.

Sorsi qalulna wkoll li r-residenti kemm il-darba pprovaw jikkomunikaw mas-Sindku tal-istess lokalita, Joan Agius, sabiex jiddiskutu magħha l-isfidi li ħoloq dan il-proġett – bis-Sindku tonqos milli tieħu azzjoni jew saħansitra tisma u tifhem il-bżonnijiet ta’ dawn ir-residenti. Filwaqt li s-Sindku Agius qalet li saret konsultazzjoni, ħafna residenti jinsistu li ma ġewx infurmati u lanqas ikkonsultati.