Waqt l-attività tat-Tlieta filgħaxija li saret f’waħda mill-lokalitajiet li tifforma parti mill-11-il distrett – Ħ’Attard – tkellmu l-kandidati li se jkunu fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju li ġej.
Ivan Bartolo faħħar lill-Kap tal-PN Alex Borg għall-onestà, l-umiltà u l-kuraġġ li kapaċi jagħti lil kull min jaħdem fi ħdan il-PN. Bartolo tkellem dwar kif l-elettorat qata’ nifsu minn dan il-Gvern, f’kull aspett, u għalhekk pajjiżna għandu bżonn mexxej bħala Alex Borg, biex imexxi lil dan il-pajjiż.
Dione Borg wiegħed li hu u sħabu se jkomplu jaħdmu bla waqfien biex il-PN jibqa’ b’saħħtu wara t-tmexxija u l-viżjoni ta’ Alex Borg. Hu qal li din hija elezzjoni dwar il-modell politiku, dwar il-futur taż-żgħażagħ, u l-ambjent – u għalhekk hu imperattiv li Malta llum aktar minn qatt qabel għandha bżonn ‘Nifs Ġdid’.
Rebekah Borg, kandidata oħra tal-PN, qasmet l-esperjenza tagħha bħala omm u residenta fil-lokalità ta’ Ħ’Attard. Tkelmet dwar il-problema tal-istorbju li qed ikollhom iħabtu wiċċhom magħhom ir-residenti, li tista’ tiġi indirizzata b’studju serju. Borg qalet li d-differenza bejn iż-żewġ partiti hi waħda; li l-proposti tal-PN huma tanġibbli.
Edmond Cuschieri saħaq li bil-proposti li qed jipproponi l-PN f’din il-kampanja, qed jidher ċar li l-PL qed jispiċċa b’nifsu maqgħtuh. Cuschieri qal li wara li l-Kap tal-PN għamillu s-sejħa biex jingħaqad mal-grupp ta’ kandidati, ma jiddispjaċih qatt li aċċetta li qed jagħmel din il-mixja politika.
Bernard Grech fakkar kif f’dawn l-aħħar snin bil-ħidma ta’ kulħadd, inkluz ta’ Alex Borg meta kien deputat, id-distakk naqqas b’mod sostanzjali minkejja d-diversi surveys li kienu qed jgħidu xorta oħra. Grech esprima l-fiduċja massima tiegħu f’Alex Borg bħala Kap tal-Partit u qal li l-proposti li qed joħroġ bihom il-PN qed jinkwetaw mhux ftit lill-PL.
Joseph Grech spjega kif in-Nifs Ġdid jirrifletti l-enerġija u l-entużjażmu li għandu Alex Borg. Hu għamel referenza għall-fatt li matul il-ġurnata, ħareġ jikkritika l-proposta tal-enerġija tal-PN l-eks Prim Ministru Laburista, Joseph Muscat, u qal “kif qatt nisgtħu nieħdu pariri mingħand eks politku bħal Muscat; wisq aktar dwar l-enerġija.”
F’kull intervent li sar minn kull kandidat waqt din l-attività, saret referenza għad-deputat David Agius, li mhux se jkun qed jikkontesta din l-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba, wara aktar minn 20 sena jservi bħala Membru Parlamentari tad-distrett – b’lealtà lejn il-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista. Agius, li fil-passat kien saħansitra Viċi Kap tal-PN, kien preżenti għal din l-attività politika f’Attard.
//= $special ?>

