Il-Pulizija li qed tinvestiga l-qtil ta’ żewġ persuni wara li raġel saq b’veloċità għal fuq folla ta’ nies fil-belt ta’ Leipzig ma jemmnux li l-azzjoni kienet xprunata minn xi skop reliġjuż jew politiku…Għaldaqstant, mgħadhiex daqstant reali t-teorija inizjali dwar azzjoni terroristika u meta l-aggressur, li qed jinżamm taħt arrest, għandu storja twila ta’ problemi mentali.
L-awtoritajiet qalu wkoll li l-aggressur kien ċed jaġixxi waħdu u li ma fadalx aktar theddida għas-sigurtà tal-pubbliku – għalkemm l-investigazzjonijiet qed ikomplu xorta waħda.
Fl-attakk indarbu bejn 20 u 30 persuna, bil-vittmi jkunu t-tnejn Ġermaniżi – mara ta’ 63 sena u raġel ta’ 77 sena. Intant, ir-raġel arrestat, Ġermaniż ta’ 33 sena, mistenni jkun akkużat b’omiċidju u b’ attentat ta’ omiċidju
L-aggressur kien irnexxielu jaħrab minn fuq il-post tal-attakk iżda l-pulizija ma damux biex jinterċettawh u jżommuh taħt arrest.
Is-Sindku ta’ Leipzig, Burkhard Jung, sostna, sadanittant, li l-awtoritajiet għadhom mhumix ċerti dwar l-iskop tal-attakk għalkemm mhumiex jeskludu li l-azzjoni setgħet kellha ‘kawżi familjarji’.
Dan wara li s-Sindku, qabel, kien indika mottiv terroristiku li, madankollu, qed jidher dejjem anqas reali wara li l-awtoritajiet mexxew l-aħħar sensiela ta’ investigazzjonijiet.
Hu wkoll ikkonfermat li numru fost il-feruti fl-attakk jinsabu f’periklu tal-mewt, bil-kundizzjoni tagħhom qed tkun issorveljata kontinwament.
//= $special ?>

