Lokali

“Il-kwalità tal-ħajja fiċ-ċentru tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista”

“Gvern ġdid Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu kollu u huwa għalhekk li qed infasslu proposti li jsaħħu setturi varji f’pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ li wasslu l-kandidati Bernice Bonello, Justin Schembri u Joseph Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta waranofsinhar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn tkellmu fuq il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna.

Matul id-diskors tiegħu l-kandidat Joseph Grech qal li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu kwalità ta’ ħajja aħjar fejn fakkar fin-numru ta’ studji li saru u li wrew li l-poplu Malti u Għawdxi jinsab stressjat f’ħajtu u dan jista’ jkun kaġun ta’ ħafna fatturi fosthom it-traffiku, l-isplużjoni fil-popolazzjoni, id-dewmien fl-Emerġenza u l-għoli tal-ħajja.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Huwa qal li ma jistax ikollok tkabbir ekonomiku bin-numri mingħajr ma ssaħħaħ is-setturi varji tal-pajjiż. Kien hawnhekk fejn fakkar li l-poplu għandu jkollu aċċess għas-servizz tas-saħħa li jingħata f’ħinu u f’waqtu. Joseph Grech fakkar fin-numru ta’ proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista matul il-ġimgħa li għaddiet b’rabta mas-settur tas-saħħa fosthom li jinbena network ta’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex kif ukoll li jkollna Park Nazzjonali tas-Saħħa.

B’rabta mas-settur edukattiv il-kandidat Justin Schembri fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-istipendju tal-istudenti jiżdied b’25%. Din il-proposta se timxi pari passu mal-grant li se jkun qed jingħata lill-istudenti Għawdxin. Dan filwaqt li saħaq fuq l-importanza li jinbnew aktar skejjel madwar pajjiżna dan filwaqt li skejjel eżistenti jiġu modernizzati.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Apparti minn hekk, Justin Schembri qal li l-iskejjel ġodda għandhom ikunu inklussivi u b’enerġija rinovabbli. Huwa saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkompli jinvesti f’dan is-settur tant importanti anke b’appoġġ lill-ħaddiema kollha ta’ dan is-settur b’kundizzjonijiet tax-xogħol li jixirqilhom. Huwa qal ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jdaħħal programm vokazzjonali tal-ALP f’kull kulleġġ.

Minn naħa tagħha l-kandidata Bernice Bonello spjegat li ż-żgħażagħ mhux qed jaraw futur f’pajjiżna dan filwaqt li minkejja li jaħdmu apparti l-istudju ż-żgħażagħ mhux qed ilaħħqu mal-ħajja. Hija qalet ukoll li ż-żgħażagħ ma jifilħux jixtru propjetà f’pajjiżna u huwa għalhekk li fil-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jħabbar proposti b’rabta ma din l-isfida.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Bernice Bonello aċċennat li pajjiżna għandu bżonn sistema tat-trasport tal-massa effettiv dan sabiex iż-żgħażagħ mal-kumplament tal-poplu ma jaħlux sigħat twal fit-traffiku. Hawnhekk, hija fakkret fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mat-trasport tal-massa.