Lokali

Il-manifest tal-Partit Laburista jinjora l-costings tat-trasport tal-massa

Konfermata. In-nefqa għal-linja tat-tramm li qed jerġa’ jwiegħed il-Labour minflok il-metro, mhix inkluża fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista.

Dan ħareġ meta it-Tlieta filgħodu, il-ġurnalisti staqsew lill-Prim Ministru Robert Abela jekk iċ-ċifri li qed jippreżenta hux qed jaħsbu wkoll fin-nefqa ta’ dan il-proġett tant bżonnjuż tat-trasport tal-massa.

Madanakollu Robert Abela, għal darb’oħra saħaq li għadhom għaddejjin l-istudji.

Wara li preżenta s-servizz tal-ferry mill-moll ta’ Buġibba, lill-Ministru Chris Bonett staqsejnih jekk għandhomx ċifri u studji b’rabta mal-proġett tal-Labour għat-trasport tal-massa – li qed jissejjaħ, Malta in Motion.

Saqsejnih ukoll x’inhuma l-miri tal-Partit Laburista dwar kemm se jkun qiegħed jitnaqqas it-traffiku b’dan il-proġett, għal kemm-il persuna se jkun qiegħed jagħti servizz, u fuq kollox jekk qabilx man-numri l-Ministru Clyde Caruana. Madanakollu, Chris Bonett ħarab milli jwieġeb.

Li hu żgur hu li dan il-manifest ma ħax in-konsiderazzjoni n-nefqa ta’ €3 biljun li suppost se jkun hemm allokat għat-trasport tal-massa. U kważi b’mod inkredibbli, f’din il-kampanja l-Partit Laburista ma inkludiex il-costings tal-linja tat-tramm li – skont hu – se tgħaqqad Buġibba mal-ajruport.

B’Abela jikkonferma li din in-nefqa konsiderevoli mhix parti mill-Manifest li se jivvutaw fuqu n-nies fit-30 ta’ Mejju.

U waqt li Robert Abela spjega ċar li manifest irid jitwettaq kollu f’leġiżlatura, hu fi kliem sempliċi ammetta li ladarba ma wettaqx elenku ta’ wegħdiet mill-Manifest Malta Flimkien tal-2022, fosthom l-Isptar ġdid f’Għawdex, l-isptar ġdid għal kura akuta psikjatrika…u diversi wegħdiet oħrajn…huwa wera li l-kelma tal-Labour mhux kredibbli fl-intier tagħha.