Il-Partit Nazzjonalista kiteb uffiċjalment lill-Kummissjoni Elettorali u talabha tassigura li ċ-ċittadini Maltin u l-Għawdxin kollha li jaħdmu jew jgħixu barra u għandhom id-dritt tal-vot jingħataw il-possibbiltà li jeżerċitaw dan id-dritt.
Dan wara rapporti li diversi persuni qed isibuha diffiċli biex jibbukkjaw titjiriet mal-KM Malta Airlines biex jiġu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju.
Fid-dawl ta’ dan il-PN talab formalment lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li l-arranġamenti li saru mal-KM Malta Airlines jiġu estiżi wkoll għal linji tal-ajru oħra biex huma wkoll ikunu jistgħu jipprovdu din l-opportunità lil min jixtieq jiġi jivvota fl-elezzjoni ġenerali.
Il-linja nazzjonali tal-ajru ħabbret li qed toffri titjiriet bil-prezz speċjali ta’ €90 bir-ritorn lil dawk li huma eliġibbli biex jivvutaw. Il-booking jinsab miftuħ u wieħed jista’ jibbukkja sat-30 ta’ Mejju billi jċempel il-call centre tal-KM Malta Airlines fuq 2141 8118 bejn it-8am u t-8pm.
Madanakollu jidher li fl-aħħar jiem kien hemm problemi biex dak li jkun jaqbad mal-call centre b’nies li ma rnexxilhomx jaqbdu, inkella kienu qed jibbukkjaw u nqatgħetilhom il-linja. Oħrajn ma sabux titjiriet komdi għalihom minħabba li dawn imtlew mill-ewwel, u qed ikollhom ifittxu titjiriet minn destinazzjoni differenti fil-viċinanzi.
Kien fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti, li waslu wkoll fl-uffiċċju elettorali ELCOM, li l-PN ilbieraħ filgħaxija kiteb lill-Kummissjoni u ressaq quddiemha din it-talba.
Ħadd ma għandu jiġi mċaħħad mid-dritt demokratiku tiegħu li jivvota f’elezzjoni ġenerali, u l-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Kummissjoni Elettorali – li huwa d-dmir tagħha li tassigura li min irid jivvota, jingħata kull opportunità possibbli biex jagħmel dan – tieħu azzjoni immedjata f’dan ir-rigward.
//= $special ?>

