L-Istati Uniti qed twassal messaġġ speċifiku li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-Iran għadu, ftit jew wisq, intatt… Dan minkejja l-aħħar azzjonijiet mill-militar Amerikan u Iranjan fir-Rotta ta’ Hormuz li, minkejja diversi rapporti kuntrarji, għadha fi stat ta’ paraliżi, b’impatt dirett għall-ekonomija globali.
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth, sadanittant, qal li s-ceasfire għadu ma krollax, u kuntrarju għal dak li ġie rappurtat fil-bidu tal-ġimgħa. Madankollu, u wara numru ta’ attakki mill-qawwiet ta’ pajjiżu u tal-Iran fl-ibħra ta’ Hormuz, Hegseth akkuża lill-Iran dwar attentati għal ‘rikatt internazzjonali’ f’dik iz-zona marittima minfejn, is-soltu, jgħaddu mal-20 fil-mija tal-kunsinni taż-żejt destinati għar-reġjuni l-oħra tad-dinja.
L-Istati Uniti, issa, qed timplimenta azzjoni mlaqqma ‘Project Freedom’ bil-ħsieb li t-traffiku marittimu ma jibqax imxekkel. Hegseth, fl-istess ħin, qal li ma jistax ikun li l-Iran ikompli jimblokka s-Strait of Hormuz bħalma ilu jagħmel għal dawn il-ġranet.
Hu kompla li l-istrateġija militari ‘Project Freedom’ taħseb biex tipproteġi lill-bastimenti kummerċjali mill-aggressjoni tal-Iranjani.
Mifhum ukoll li, mill-bidu tal-ġimgħa, almenu żewġ vapuri li qed ibaħħru taħt il-bandiera tal-Istati Uniti għaddew xorta mill-ibħra ta’ Hormuz, għalkemm id-dettalji baqgħu mhux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti.
Fl-istess ħin, Hegseth qed iwissi lill-Iran biex ‘juri ftit tal-prudenza’ u biex l-azzjonijiet tiegħu ma jikkaġunawx fażi ġdida ‘u totali’ tal-gwerra fir-reġjun tal-Golf.
Fl-aħħar sigħat, tkellem anki Dan Caine, iċ-Chairman tal-joint Chiefs of Staff militari tal-Istati Uniti, li żvela li l-Iran attakka lill-qawwiet Amerikani talanqas għaxar darbiet mill-bidu tas-‘ceasefire’, fit-8 ta’ April.
Caine, iżda, qal li l-attakki ma kenux tat-tip li jinneċessitaw bidu ġdid ta’ ostilitajiet fuq livell massimu. Dan filwaqt li tenna li kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-Istati Uniti għandhiex terġa’ tirrikorri għall-‘gwerra fuq il-fronti kollha’ għandha tasal esklussivament mill-White House.
Il-Ġeneral Caine, fl-istess ħin, akkuża lill-Iran b’li qed ixekkel il-movimenti taż-żejt u riżorsi oħra importanti miz-zona ta’ Hormuz bħala ‘arma tal-gwerra’ — u li ‘ir-reġim Iżlamiku f’Teheran ma jimpurtah xejn mill-effetti negattivi għall-ekonomija tad-dinja.’
Dan ukoll meta l-Istati Uniti qed tidher determinata biex, f’dawn il-jiem, iżżid il-preżenza navali fl-ibħra ftit ‘il barra minn Hormuz – bl-Iran iwissi lill-Amerikani li jinsab lest biex jirranka l-azzjonijiet militari tiegħu bħala reazzjoni.
L-Amerikani, fl-istess ħin, qed jippruvaw jipprovdu skorta lill-bastimenti tal-merkanzija li jinsabu weqfin fl-ibħra ta’ Hormuz sabiex dawn ikomplu bil-vjaġġi rispettivi.
L-Iran, iżda, qed jinsisti li jinsab ‘f’kontroll assolut ta’ Hormuz’ u meta, kultant żmien, qed jispara l-missili u d-drones lejn il-vapuri militari tal-Amerikani u l-bastimenti kummerċjali fl-ibħra speċifiċi.
Fi żvilupp ieħor, kien irrappurtat attakk mill-qawwiet Iranjani fuq port taż-żejt fl-Emirati Għarab…Azzjoni li, skont il-Lega tal-Istati Għarab, wasslet għal sitwazzjoni oħra inkwetanti fir-reġjun tal-Golf. Fil-fatt, Hossam Zaki, l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Lega, akkuża lill-Iran b’li qed jipperikola dejjem aktar il-ftehim fraġli għall-waqfien mill-ġlied fir-reġjun tal-Golf.
//= $special ?>

