“B’dawn iż-żjarat, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jfassal proposti għall-kampanja elettorali – proposti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-negozji.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel fil-fabbrika ta’ daves foods fl-Imrieħel fejn kellu l-opportunità li jara mill-qrib il-ħidma li ssir minn jum għall-ieħor.
Fil-bidu ta’ din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġie milqugħ mit-tmexxija ta’ din il-kumpanija filwaqt li tkellem ukoll mal-ħaddiema preżenti li spjegawlu x-xogħol li kienu qegħdin jagħmlu.

Il-diriġenti tal-kumpanija spjegaw li fl-uffiċju qegħdin madwar 40 impjegat iżda meta wieħed jikkunsidra l-fabbrika flimkien mal-ħwienet madwar Malta u Għawdex l-ammont ta’ ħaddiema jaqbeż l-400.

Fil-fabbrika, id-diriġenti spjegawlu illi jagħmlu madwar 600 prodott b’riċetti u l-packaging tagħhom.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa ferm impressjonanti li din il-kumpanija tagħmel varjetà kbira ta’ prodotti iżda fl-istess waqt semma’ kif huwa importanti li nindirizzaw l-isfidi tagħhom.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ daves foods David Grech spjegalna kif ilu minn tfulitu espost għal dan in-negozju. U kien propju madwar 13-il sena ilu li ddeċieda li jiftaħ negozju – li mmodernizza l-grocer tradizzjonali.
Intant, għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-kandidat Adrian Delia.


