Lokali Saħħa

JoEtienne Abela jgħid li n-nifs ġdid huwa n-nifs li l-Partit Laburista “nefaħ fis-saħħa”

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Wara d-diskors xprunat minn gideb dwar il-PN u Alex Borg minn Alex Muscat, tkellem il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela illi qal li l-poplu għandu bżonn l-imsejjaħ “azzar” ta’ Robert Abela.

Dan filwaqt li surrealment reġa’ tkellem fuq il-kredibilità tal-Labour fis-saħħa; anke jekk l-istess Partit Laburista fil-Gvern ħalla lil pajjiżna mingħajr l-isptarijiet imwiegħda. U baqa’ jippompja l-miljuni lil Vitals u Steward.

JoEtienne, waqt li prova jiżżufjetta bl-islogan tal-PN għal din il-kampanja elettorali, qal li nifs ġdid – skont hu – huwa n-nifs li l-Partit Laburista nefaħ fis-saħħa. Dan meta ma nvesta fl-ebda sptar ġdid f’Għawdex, ebda sptar ġdid tas-saħħa mentali, ebda rinovar f’Saint Lukes u Karin Grech – kollha wedgħiet tal-Labour li sfumaw fix-xejn.

Iżda minkejja li l-Gvern m’għandu ebda kredibilità fis-saħħa, il-Ministru Abela xorta ħareġ jgħid li tal-Labour taw nifs ġdid lil dan is-settur. B’mater Dei jitħalla fi kriżi, nies fil-kurituri, swali fil-canteen, mediċini out-of-stock, nuqqas ta’ investiment fil-kliniċi, u pressjoni kbira fuq il-professjonisti mediċi minħabba problemi ta’ iffullar fl-isptarijiet.