Futbol Sport

Manchester City isalvaw punt tmien minuti fuq il-ħin kontra Everton

Azzjoni mill-partita bejn Everton u Manchester City
Azzjoni mill-partita bejn Everton u Manchester City

Everton komplew iħallu kollox inċert għal min bejn Arsenal u Manchester City se jirbaħ il-Premier League Ingliż. Dan wara li The Citizens irnexxilhom isalvaw punt fl-aħħar ħinijiet tal-logħba li lagħbu barra minn dahrom kontra The Toffees f’Hill Dickinson Stadium. Everton dehru li resqin lejn rebħa ta’ 3-2, iżda b’tmien minuti fuq id-90 minuta, l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Pep Guardiola, skorjat il-gowl tad-draw permezz ta’ Jérémy Doku li jibqa’ jagħti t-tama lil Manchester City, li għad jistgħu jirbħu l-Kampjonat.

B’logħba anqas mill-leaders Arsenal, Manchester City, issa jinsabu ħames punti taħt il-gunners, b’Arsenal fadlilhom tliet partiti mit-tmiem tal-Kampjonat, filwaqt li Manchester City għad iridu jilgħabu erba’ konfronti oħra biex itemmu l-Premier League dan l-istaġun.

Żewġ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Doku skorja l-ewwel gowl tal-partita u poġġa lil Manchester City fil-vantaġġ. Fit-68 minuta, Thierno Barry skorja d-draw għal Everton, u ħames minuti wara, Jake O’Brien tefa lil Everton għall-ewwel darba minn fuq.

Fil-81 minuta, Barry reġa’ skorja għal Everton għal skor ta’ 3-1, iżda Manchester City reġgħu daħlu fil-partita, b’gowl ta’ Erling Haaland, żewħ minuti wara. Everton ma rnexxilhomx jagħtu d-diżappunt lil Manchester City li Arsenal kienu qed jittamaw, meta fit-98 minuta, Doku skorja d-draw għal skor ta’ 3-3.

F’logħba oħra tal-bieraħ filgħaxija, Chelsea soffrew is-sitt elfa konsekuttiva fil-Premier League, meta f’dahrom stess tilfu 3-1 kontra Nottingham Forest. Dawn tal-aħħar jibqgħu sitt punti ‘l bogħod miż-żona tar-rellegazzjoni tal-Premier League u bagħtu messaġġ ta’ twissija lil Aston Villa qabel it-tieni leg tas-semi-final tal-Europa League nhar il-Ħamis.

Intant din it-telfa ta’ Chelsea, tpoġġi ċ-ċansijiet tagħhom għall-kwalifikazzjoni fl-Ewropa f’dubju serju.

Fl-Italja, rebħa importanti għal Roma li żżommhom jisfidaw għal post fil-UEFA Champions League

Niccolo Pisilli (lemin) jiċċelebra wieħed mill-gowls ta’ Roma kontra Fiorentina.

Fis-Serie A Taljana, Gianluca Mancini, Wesley u Mario Hermoso assiguraw ir-rebħa fl-ewwel 34 minuta fil-kapitali Taljana għal Roma kontra Fiorentina, qabel ma Niccolo Pisilli żied ir-raba’ gowl fit-tieni taqsima biex iżomm il-pressjoni fuq Juventus fil-raba’ post tal-klassifika, b’rebħa ta’ 4-0 kontra l-vjola.

Intant f’match day 35 tas-Serie A, Lazio dawru r-riżultat fit-tieni taqsima biex għelbu lil Cremonese 2-1 fl-Stadio Zini u jħallu lill-Grigiorossi f’periklu serju ta’ relegazzjoni.