Lokali Qorti

Multa ta’ €6,500 wara argument mal-pulizija wara ħabta: ‘Lesti ruħek għax ħa tispiċċa bla xogħol’

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, sabet lil Daniel Privitera ħati ta’ akkużi relatati ma’ theddid, filwaqt li lliberatu minn akkużi oħra minħabba nuqqas ta’ provi jew preskrizzjoni.
L-inċident seħħ fil-21 ta’ Marzu 2024 filgħaxija, fi Triq in-Naxxar, l-Iklin.
Dakinhar seħħet seħħet ħabta “bumper to bumper” bejn BMW misjuqa minn Privitera u vann Isuzu misjuq minn raġel ieħor.
L-uffiċjal tal-LESA xehed li kif wasal fuq il-post, Privitera minnufih talab li jsir breathalyser test lir-raġel l-ieħor li kien involut fl-inċident.
Huwa argumenta li l-persuna l-oħra kienet fis-sakra u “ma jiflaħx iżomm fuq saqajh”.
Madankollu, l-uffiċjal innota li r-raġel ma kellux riħa ta’ alkoħol u li kien qed jimxi b’mod normali, u għalhekk iddeċieda li t-test ma kienx meħtieġ.
Iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu fuq il-post iddeskrivew l-imġieba ta’ Privitera bħala waħda “ostili”.
Ix-xhieda spjegaw li l-imputat irrifjuta li jmexxi l-karozza tiegħu mill-karreġġjata biex jinfetaħ it-traffiku sakemm isir it-test tal-alkoħol,.
Matul il-konfrontazzjoni, Privitera qal lill-pulizija li se “jneżżagħlhom l-uniformi” u li se “jtajjarhom mill-korp”. Lis-Surġent qallu biex “ilesti ruħu għax se jispiċċa bla xogħol”.
Huwa rrifjuta li jagħti d-dokumenti tiegħu lill-uffiċjal tal-LESA.
L-uffiċjali sostnew li l-imputat beda jidgħi u jgħajjat, anke fil-preżenza ta’ persuni oħra u t-traffiku li kien qed jinġema’.
Il-vittma xehed li Privitera kien “aggressiv ħafna,” tant li beda jsabbat fuq il-windscreen tal-vann.
Huwa allega wkoll li Privitera imbuttah, b’konsegwenza li waqa’ u sofra xi brix f’minkbejh, fatt li kien ikkonfermat minn ċertifikat mediku ta’ feriti ħfief.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti nnotat li l-akkużi ksur ta’ paċi pubblika b’għajat u li Privitera m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija kienu preskritti skont il-liġi.
Rigward l-akkuża li Privitera darab lill-vittma, il-Qorti qieset li ma kienx hemm provi diretti biżżejjed li jistabbilixxu li l-feriti kienu konsegwenza diretta tal-aġir tal-imputat.
Madankollu, il-Qorti sabet li mill-provi ppreżentati, inkluż ix-xhieda u l-filmati mill-bodycams tal-pulizija, kien ġie ppruvat li l-imputat hedded kemm lill-vittma kif ukoll lill-uffiċjali.
Il-Qorti għalhekk sabet lil Daniel Privitera ħati li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza u li hedded lill-uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Maġistrat ikkundannatu għal multa ta’ €6500 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-uffiċjali nvoluti fil-każ.