Dione Borg
Kandidat PN
Ħdax-il Distrett
X’jistgħu jkunu r-raġunijiet wara gvern li jagħmel elezzjoni bikrija, kważi 11-il xahar qabel? X’jista’ jwassal Prim Ministru biex jieħu deċiżjoni li fl-aħjar “interess nazzjonali”, il-pajjiż għandu jmur għandu jmur għal elezzjoni ġenerali bikrija? Xi jkunu l-kunsiderazzjonijiet li jagħmel Prim Ministru biex ixolji l-Parlament u jmur għal elezzjoni daqshekk qabel żmienha? Għaliex għandu jinteressana li niddiskutu x’seta’ wassal lill-Prim Ministru li jagħmel elezzjoni bikrija?
Il-kuntest
Il-kuntest tad-deċiżjoni li Robert Abela jmur għal elezzjoni bikrija kienet waħda li fiha l-istess Prim Ministru kien qed jargumenta bis-sħiħ kontra li ssir elezzjoni bikrija. Qabel ħabbar id-data tal-elezzjoni l-Prim Ministru kien qed jargumenta li l-ekonomija hi fl-aqwa livelli tagħha, li l-pajjiż hu wieħed stabbli, li l-gwerra fil-Golf ma kinetx se taffettwa l-ekonomija Maltija, li kellu €250 miljun imfaddla f’każ li tolqotna l-gwerra u li hu bħala Prim Ministru hu l-aqwa Ġeneral li Malta jista’ jkollha biex imexxiha f’dawn iż-żminijiet. Qalilna li diġà kellu esperjenza.
Mhux biss, imma l-Gvern Laburista kien qed jgħid ukoll li Malta se tispiċċa tieħu ġid kbir minn din il-gwerra għaliex se jirnexxilha tattira lejha investiment barrani li ma kienx se jmur f’pajjiżi fejn hemm il-gwerra iżda kien se jiġi Malta. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru kien qed isostni li Malta hi pajjiż stabbli u li l-kontinwità kienet se tkompli tissaħħaħ.
Ilha ppjanata
Ftit kienu dawk li kienu jistennew elezzjoni bikrija, iżda l-Prim Ministru mill-ewwel deher li kellu intenzjonijiet oħra. Dan kien indikattiv sa minn wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li għaddew għaliex propju warajhom, Robert Abela kien iddikjara li jekk il-PN ibiddel il-Kap allura l-pajjiż kien imur għal elezzjoni bikrija. Ħadd ma fehem il-loġika politika wara dan l-argument. Ħadd ma fehem xi tkun ir-rabta għal elezzjoni ġenerali jekk il-PN ibiddel il-Kap.
Kienu indikazzjonijiet ċari li Robert Abela ried kemm jista’ jkun malajr jagħlaq din il-leġiżlatura anki jekk ma jispiċċahiex sal-aħħar. Allura beda jaħseb minn qabel. Dan kien ukoll il-perjodu li fih ma kinetx għadha faqqgħet il-gwerra fil-Golf.
Issa li għal raġunijiet tiegħu Robert Abela ħabbar elezzjoni ġenerali sena qabel waqtha, il-poplu qed jistaqsi ħafna affarijiet għaliex meta ħabbarha l-Prim Ministru ma kien konvinċenti xejn fir-raġunijiet li ġab. Fil-fatt l-unika raġuni li ġab il-Prim Ministru kienet il-gwerra tal-Golf u l-effetti li din jista’ jkollha fuq pajjiżna. Il-Prim Ministru pprova jikkonvinċi li dak li qed iseħħ fil-Golf għandu tant effetti fuq pajjiżna li kellha tissejjaħ elezzjoni ġenerali ftit jiem inqas minn sena qabel żmienha.
Ir-realtà hi li l-ebda gvern fl-Ewropa ma ħass li kellu jsejjaħ elezzjoni bikrija minħabba l-gwerra fil-Golf jew ir-rivoluzzjoni fl-Iran. Ma naħsibx li jekk jogħla l-prezz taż-żejt, se jkun hemm prim ministri li jsejħu elezzjonijiet bikrija. Anzi jekk Robert Abela verament jemmen li hu l-aqwa Ġeneral biex imexxi pajjiżna fi żmien ta’ gwerra, allura l-loġika tiddetta li kellu jibqa’ hu għall-inqas sa Marzu 2027.
Il-kriżijiet tal-Gvern wasslu għal elezzjoni
Il-verità hi differenti. Dan hu gvern li ma solva l-ebda problema mill-ħafna problemi li ħoloq hu stess. Bħall-popolazzjoni esaġerata, it-traffiku, il-prezzijiet tal-propjetà, l-għoli tal-ħajja, l-ambjent, l-infrastruttura u l-governanza. Dawn huma kollha problemi li ħoloqhom waħdu l-Gvern Laburista. Dawn huma l-problemi li wasslu lill-Prim Ministru biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija. Flimkien ma’ dawn il-problemi kien hemm ukoll il-kalkoli partiġjani tal-Prim Ministru li poġġa l-interess tal-partit tiegħu qabel dak nazzjonali.
Fl-aħħar snin il-Gvern Laburista kien iffaċċjat bi kriżi waħda wara l-oħra, iżda dejjem żamm ’il bogħod milli jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija; lanqas meta nstab ħati mill-qrati Maltin li kien kompliċi fi frodi ta’ €900 miljun fl-ikbar skandlu tal-isptarijiet. Jekk xejn, dak kien każ fejn żgur li l-Gvern Laburista ma kellux l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu, iżda xorta baqa’ jżomm il-poter.
Robert Abela poġġa s-sitwazzjoni internazzjonali bħala l-unika raġuni biex sejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija. Donnu qed jibgħat messaġġ li jkun xi jkun ir-riżultat elettorali, is-sitwazzjoni internazzjonali fil-Golf se tissolva b’elezzjoni ġenerali f’Malta. Il-fatti huma li gvern ġdid xorta jrid jiffaċċja s-sitwazzjoni internazzjonali wara din l-elezzjoni, ikun min ikun.
Robert Abela semma wkoll il-prezz internazzjonali taż-żejt u qal li jekk dan ikompli jiżdied allura se jkun hemm konsegwenza. Dan meta l-prezz internazzjonali taż-żejt hu ferm inqas minn dak li kien fi żmien Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 meta kien hemm l-ikbar kriżi internazzjonali li fiha kkrollaw ekonomiji ta’ pajjiżi kbar iżda mhux ta’ Malta li kienet baqgħet toħloq l-impiegi ta’ kwalità.
Fi ħdan il-Partit Laburista Robert Abela għandu kriżi oħra li ma kienx kapaċi jsolvi iżda li qed jistenna li ssolvihielu elezzjoni ġenerali bikrija; dik ta’ eks ministri u eks segretarji parlamentari li kienu involuti f’diversi skandli u li minkejja dan xorta qed jippretendu li jibqgħu fuq il-lista ta’ kandidati tal-PL fl-elezzjoni ġenerali. Robert Abela għandu problema għaliex ftit li xejn jista’ jieħu passi kontra dawn l-eks ministri għaliex jiġi kkritikat internament.
Robert Abela jaf li fi ftit xhur oħra se jkun qed jistenna li ssir ġustizzja fuq qtil politiku; liema proċess jista’ joħloq kaxxa infernali għall-Gvern. Dwar dan Robert Abela hu konxju u żgur li kien parti mill-kalkoli tiegħu qabel iddeċieda dwar elezzjoni ġenerali bikrija.
Minkejja li kien evidenti għal diversi xhur u għal kulħadd li l-pajjiż kien riesaq lejn elezzjoni ġenerali bikrija, il-Prim Ministru u anki uffiċjali għolja Laburisti baqgħu jiċħdu dan u baqgħu jżidu l-inċertezza; anki meta kien tant evidenti x’se jiġri. Kienet logħba politika li ma kellhiex tintlagħab għaliex wasslet biss biex ħolqot inċertezza.
Dan hu Gvern Laburista ieħor li ma kienx kapaċi u stabbli biżżejjed biex iżomm ħames snin. Ma kienx l-ewwel Gvern Laburista li mar għal elezzjoni ġenerali bikrija minħabba kriżi li kellu. Fuq kollox pajjiżna għandu bżonn gvern stabbli li joffri garanzija ta’ leġiżlatura. Dan hu l-minimu li jistenna l-poplu Malti u Għawdxi.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Mejju, 2026.
//= $special ?>

