“Gvern ġdid Nazzjonalista se jkompli jattira niċeċ ekonomiċi ġodda u huwa għalhekk li qed inħabbru l-Mediterranean Maritime Fuel Hub (MMFH).”
Ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn komplew jitħabbru proposti fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkompli jattira niċeċ ekonomiċi ġodda mingħajr ma jagħmlu pressjoni żejda fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura tal-pajjiż. Kien hawnhekk fejn ħabbar il-Mediterranean Maritime Fuel Hub dan filwaqt li spjega li din hija miżura oħra li ġiet studjata u fformulata flimkien ma’ diversi esperti, professjonisti u teknokratiċi fis-settur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li din se tkun niċċa ekonomika li Gvern Nazzjonalista se joħloq immedjatament hekk kif ikun fil-Gvern b’dan l-investiment se jkun jikkonsisti f’attività addizzjonali f’parti minn Hurd’s Bank.
Alex Borg spjega li z-zona magħrufa bħala Hurd’s Bank tippermetti lill-vapuri jieħdu servizzi mingħajr ma jidħlu fil-portijiet jew fil-bajjiet tagħna. U allura, dan jgħin biex jitnaqqas it-traffiku fil-portijiet u jippermetti lill-vapuri jiffrankaw ħin prezzjuż.
Huwa qal li din il-proposta li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista qed tissuġġerixxi l-ħolqien ta’ terminal tal-LNG offshore b’possibiltà ta’ fuels oħra fil-futur, billi jintuża parti minn Hurd’s Bank. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll li mal-ewwel tlett snin din l-industrija se tkun qed tiġġenera madwar €450 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Apparti minn hekk, huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern kien strumentali fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi li ddiversifikaw l-ekonomija Maltija fosthom servizzi finanzjarji, gaming, avjazzjoni, farmaċewtika u marittimu. Alex Borg aċċenna li din il-viżjoni ekonomika ħolqot impjiegi ta’ kwalità u saħħet il-kompetittività ta’ Malta fuq livell internazzjonali – setturi li għadna ngawdu minnhom sal-lum.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li t-tanker tal-gass jitneħħa mill-bajja ta’ Marsaxlokk u joħroġ ‘il barra mill-bajja, fejn se jsir dan l-investiment. Huwa spjega li din l-azzjoni ġġib magħha żewġ vantaġġi fejn l-ewwel se jitneħħa għal kollox il-periklu ta’ dan it-tanker li qiegħed fil-bajja ta’ Marsaxlokk daqshekk viċin in-nies kif ukoll se jsaħħu s-sigurtà tal-provvista peress li preżentament, meta jkun il-maltemp, it-tanker qed ikollu jinħareġ ‘il barra mill-bajja minħabba l-periklu.

Minn naħa tiegħu, id-Deputat Ivan Castillo spjega aktar fid-dettall din il-proposta tant importanti fejn anke wera mappa tat-traffiku marittimu li hawn f’pajjiżna. Huwa qal li preżentament pajjiżna mhux attrezzat biex jipprovdi fuel alternattiv. Ivan Castillo spjega li l-bunkering huwa bbażat biss fuq fuel tradizzjonali u allura dawk li jaħdmu bl-LNG ma jistgħux jieħdu fuel minn Malta. Apparti minn hekk, Ivan Castillo spjega li l-MMFH se jsir offshore u mhux fuq l-art.
Huwa fakkar li dan il-proġett se jwassal għat-tneħħija tat-tanker tal-gass u jitpoġġa aktar ‘il barra fil-bajja u b’hekk se jkun qed jitneħħa l-periklu għan-nies. Ivan Castillo aċċenna li se jkunu qed jinħolqu opportunitajiet ġodda għal bunkering. Dan filwaqt li dan il-proġett se jkun qed joħloq madwar 150 impjieg ġdid.

Fid-diskors tiegħu, il-kandidat Oliver Cini spjega li dan il-progett mibni fuq tliet pilastri. Dan apparti li spjega li l-proposti mressqa matul din il-konferenza saru bir-reqqa bil-għan li jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>
