Lokali

Tisfaxxa fix-xejn ir-retorika negattiva ta’ Miriam Dalli

Il-Ministru Dalli ma fehmet xejn minn dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista. Aħna qed intukhom garanzija illi mill-ewwel ta’ Ġunju jekk tagħtuna l-fiduċja, nibdew inwettqu dan il-proġett biex mill-ewwel ta’ Jannar, tkunu qed taraw roħs fil-kontijiet tad-dawl tagħkom.

Kien dan il-messaġġ li wassal id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut permezz ta’ filmat li fih spjega kif il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għas-settur tal-enerġija se jkunu ta’ benefiċju għall-familji, persuni single, bdiewa u raħħala u anke għall-għaqdiet volontarji bħall-każini tal-banda.

Sammut spjega kif residenza ta’ tnejn min-nies b’servizz ta’ metre single phase, li taħli sa 6,000 unit ….minflok €793 se tħallas €628 hekk kif bejn l-2,000 u 6,000 unit se jkunu bi prezz ta’ 10.47 kull unit – u għalhekk se jiffrankaw €165; ekwivalenti għal 21%.

Persuna li tgħix weħidha, li għandha meter single phase, se tikwalifika wkoll għall-eco-reduction u minflok €403, il-kont se jkun €235 – roħs qawwi ta’ €168 , li jfisser 42%.

Familja ta’ tnejn min-nies b’meter 3 phase, u li taħli sa 6,000 unit fis-sena, flok €868 tħallas €628, u għalhekk tifranka €240 f’sena – roħs ta’ 28%.

Dan apparti li l-ispiża tal-kera tal-meter titneħa f’kull istanza.