Lokali

Wara l-għajta tal-“establishment” Abela jbeżża’ bil-“forzi kollha”

Jistaqsi lill-familji hux qed iħossu s-saħħa ekonomika tal-pajjiż

Filwaqt li l-poplu għadu mingħajr costings, Robert Abela kompla jwiegħed kollox lil kulħadd, minkejja li sal-lum għadu ma wettaaqx bi sħiħ il-Manifest Elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2022.

Illum iffoka fost oħrajn fuq is-saħħa madanakollu konvenjentament naqas milli jindirizza l-fatt li l-Għawdxin għadhom bi sptar tas-snin 60 – minkejja li Gvern Laburista ilu jwiegħed sptar ġdid għal dawn l-aħħar 13-il sena – fejn suppost kellhom ukoll “ir-real deal.”

Konvenjentament naqas milli jsemmi l-fatt li filwaqt li sentejn ilu kien jinsisti fuq “Is-Saħħa lill-Maltin” – il-Maltin u l-Għawdxin baqgħu mingħajr sptar funzjonanti bi sħiħ tal-Isptar San Luqa, bi Sptar Mater Dei li jinsab mifluġ biż-żieda qawwija fil-popolazzjoni għad-detriment tal-ħaddiema u pazjenti…li għadhom qed jiġu rikoverati fi swali konvertiti suppost temporanjament fi żmien il-Covid – ċioè 4 u saħansitra 5 snin ilu.

S’intendi ma setgħax jonqos l-attakk partiġjan minn naħa ta’ Robert Abela, fejn sentejn wara l-babaw tal-establishment, illum bl-istess kantaliena wasal prontament avversarju misterjuż ieħor… “Il-Forzi Kollha”. Diskors surreali meta hu l-Prim Ministru, mexxej preżenti ta’ pajjiż li ċertament s-suba tal-Gvern huwa kull fejn tħares.

Fl-istess waqt staqsa jekk il-pajjiż hux iħoss is-saħħa ekonomika tal-pajjiż….fl-istess waqt li ċ-ċittadin komuni jinsab maqbud bejn xogħol u ieħor, l-għoli tal-ħajja, il-konġestjoni ta’ traffiku u ansjetà li kull ma jmur qiegħda tgħolli rasha – wara li l-istess Partit Laburista li qed jisħaq li għandu għal qalbu l-benesseri tal-Maltin…iffoka fuq l-ekonomija tal-kwantità u faqa’ pajjiż mingħajr viżjoni fit-tul.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Ftit qabel, il-Minsitru Jo Etienne Abela faħħar u ddefenda t-track record ta’ Robert Abela fejn iddeskrivieh bħala kaptan tried and tested.

Ironiku immens li dan id-diskors ġej minn fomm il-Ministru tas-Saħħa – responsabbli mis-settur mediku f’pajjiżna. Dan hekk kif qalilna tajjeb il-Ministru, Abela huwa tried and tested hekk kif nafu li minkejja d-diversi wegħdi li għamel tul is-snin; l-isptar il-ġdid għall-kura psikjatrika akuta għadu biss fuq il-karta u l-isptar il-ġdid f’Għawdex għadu biss ħolma. L-isptar Monte Karmeli għadu mhux immodernizzat, u l-magni tal-kura kontra l-kanċer….għadhom mhux jaħdmu – minkejja wegħdi li suppost ilhom lesti snin.

L-istess Robert Abela li għamel wegħdiet li smajna kemm-il darba u saħansitra ħareġ il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro għal mhux biss l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, iżda l-isptar San Luqa u dak ta’ Karin Grech….flejjes lill-barranin li ssarraf fl-akbar frodi fl-istorja ta’ Malta.

Aktar qabel tkellem l-eks Segretarju Parlamentari Laburista, Alex Muscat, li ngħata demotion minn Robert Abela nnifsu wara l-elezzjoni ġenerali tal-2022.

Huwa għamel diskors sħiħ mimli attakki partiġjani wieħed wara l-ieħor, fost oħrajn attakka l-fatt li l-Partit Nazzjonalista ried idaħħal id-dritt fil-kostituzzjoni li l-familji Maltin u Għawdxin, uliedna u ulied uliedna jkollhom ambjent san. Muscat ittanta jbeżża’ mill-babaw, bl-istess stil u retorika li l-Labour mexxa fl-elezzjoni tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali sentejn ilu.

Biża’ bla bażi hekk kif il-Partit Laburista nnifsu jaqbel u jgħaraf l-istess dritt affermant mill-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti.

Finalment temm id-diskors tiegħu b’aktar attakki u biża’ partiġjana fejn appella biex ma jagħtux ċans lill-avversarji tagħhom.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo