Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti lill-pajjiż niċċa ekonomika b’saħħitha u jagħmel ġustizzja mar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa”

Ritratt: Martin Agius

“Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq il-ġid mingħajr ma jżid piż fuq l-art tagħna – filwaqt li jagħti nifs ġdid lis-settur marittimu, l-irħula ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk u fuq kollox lil pajjiżna.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-kandidat Ivan Castillo meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta tat-tanker tal-LNG u l-Mediterranean Maritime Fuel Hub. Fejn fakkar illi kien il-Labour li 13-il sena ilu, poġġa dan it-tanker f’nofs din il-bajja.

Dak iż-żmien l-istess Gvern kien qalilna li dan it-tanker kien ser jithalla hemm ghal 3 snin biss. Iżda, fir-realtà għaddew 13–il sena u dan il-bastiment ghadu hemm.

Hu tenna li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed ineħħi dan it-tanker u joħorġu ‘l barra – fejn se jkun qed isir l-investiment fil-Mediterranean Maritime Fuel Hub; wegħda li ser tagħti serħan il-moħħ lir-residenti tal-madwar hekk kif se jitneħħa l-periklu ta’ dan l-istess tanker.

Ivan Castillo saħaq illi permezz tal-Maritime Fuel Hub il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jsir terminal tal-LNG offshore b’possibiltà ta’ fuels oħra fil-futur; billi tintuża parti minn Hurd’s Bank.

Tenna kif mal-ewwel tlett snin tal-industrija se jkunu qed jiġu ġenerati madwar €450 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Castillo semma’ kif l-operaturi tal-bunkering faħħru dan il proġett. U nsista li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed ineħħi dan it-tanker bejn it-tieni u l-ħames sena tal-leġiżlatiura biex jiġi evitat kull periklu.

Għal din il-konferenza, kienu preżenti wkoll il-kandidati tal-ħames distrett; Toni Bezzina, Stefan Caruana, Owen Sciberras, Oliver Cini, Stanley Zammit u Duncan Borg Myatt.