Lokali

Il-Kap tal-PN f’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ

Ritratt: Joseph Galea

“Pajjiżna jeħtieġ li jimxi lil hinn mill-populiżmu u tinbena viżjoni fit-tul. U huwa għalhekk li matul din il-kampanja elettorali qed inħabbru proposti fl-interess tal-poplu kollu.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li kellu l-Erbgħa waranofsinhar mal-Kamra tal-Kummerċ fejn spjega fid-dettall il-proposti kollha li ħabbar s’issa l-Partit Nazzjonalista – proposti li jolqtu diversi setturi fosthom is-settur tas-saħħa, tal-enerġija, l-edukazzjoni u niċeċ ekonomiċi ġodda.

Matul din il-laqgħa, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista fassal dawn il-proposti sabiex jindirizza l-isfidi tal-poplu fejn semma’ ir-roħs ta’ 30% fil-kontijiet tad-dawl, it-tneħħija tal-kirja tal-meter kif ukoll li l-mediċini kollha tal-kanċer jingħataw b’xejn.

Apparti minn hekk, hu tkellem ukoll fuq il-proposti li ressaq aktar kmieni matul il-jum – propju l-investiment f’niċċa ekonomika ġdida fid-Data, l-AI u n-New Space. Alex Borg spjega li din il-proposta se toħloq servizzi ġodda f’pajjiżna.

Minn naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li n-negozji jinvestu ħafna fl-ekonomija ta’ pajjiżna u joffru impjiegi ta’ kwalità. Huma spjegaw ukoll li l-produttività u l-kompettività jridu jibqgħu ċentrali fit-tfassil tal-politika.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista huma pożittivi b’numru ta’ proposti għadhom iridu jiġu evalwati.

Intant, preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-kandidati Mark Anthony Sammut, Graziella Galea, Beppe Fenech Adami, Jerome Caruana Cilia, Rebekah Borg, Joseph Grech u Ivan Castillo.