L-introduzzjoni ta’ faċilità ta’ bunkering lil hinn mill-bajja ta’ Marsaxlokk hija importanti ferm għall-futur tas-settur marittimu.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Maritime Forum, Godwin Xerri, fejn laqa’ l-proposta tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub li propona l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem. Huwa qal li din hija proposta ferm pożittiva u li l-MMF dejjem tilqa’ inizjattivi bħal dawn.
Mhux hekk biss, iżda Xerri qal ukoll li l-forum ilu żmien jitlob b’mod kostanti biex dan is-settur ma jibqax fil-bajjiet, hekk kif ma jistax ikun li jibqa’ jokkupa aktar spazju.
Il-Kap Eżekuttiv għamel referenza għal kif il-bastimenti bdew jużaw tipi differenti ta’ enerġija, fosthom LNG, hydrogen, clean fuels u biofuels, u għalhekk il-fatt li l-pjan tal-Partit Nazzjonalista jakkomoda għal dan it-tibdil huwa wkoll pożittiv.
Spjega kif Malta għandha industrija tal-bunkering, fejn jinbiegħu miljuni ta’ tunnellati ta’ fuel kull sena, u dan jissarraf f’għexieren ta’ miljuni ta’ ewro għall-pajjiż.
Żied jgħid li biex dan jibqa’ possibbli hemm bżonn faċilitajiet bħal dawk proposti mill-Partit Nazzjonalista, għax inkella Malta tista’ tispiċċa barra minn dan is-suq.
Meta ġie mistoqsi dwar il-pożizzjoni ta’ din il-faċilità, huwa qal li jaqbel ma’ din il-lokalità, hekk kif hemm l-aktar baħar baxx.
Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista nieda il-viżjoni tiegħu għall-Mediterranean Maritime Fuel Hub, investiment offshore f’parti minn Hurd’s Bank li joħloq niċċa ekonomika ġdida mingħajr ma jżid pressjoni zejda fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura tal-pajjiż.
Dan il-Mediterranean Maritime Fuel Hub se jkompli jibni fuq il-pożizzjoni strateġika ta’ Malta fil-Mediterran u se jkompli jżid il-valur ta’ pajjiżna. Permezz ta’ parti minn Hurd’s Bank, vapuri jkunu jistgħu jieħdu servizzi importanti ta’ bunkering mingħajr ma jidħlu fil-portijiet jew fil-bajjiet tagħna, b’hekk jonqos it-traffiku fil-portijiet u jiġi ffrankat ħin prezzjuż għall-industrija marittima.
Il-proposta tinkludi l-ħolqien ta’ terminal offshore għall-LNG, b’possibbiltà li fil-futur jiġu inklużi fuels oħra. Huwa stmat li fl-ewwel tliet snin jista’ jiġġenera madwar €450 miljun fl-ekonomija Maltija.
//= $special ?>

