Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret illejla fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Birkirkara, il-PN kompla japprova aktar kandidati għall-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-30 ta’ Mejju li ġej.
Tul il-laqgħa tal-lum, ġew approvati ħames kandidati oħra, li huma kollha kandidati ġodda li qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali mal-PN għall-ewwel darba:
· Joseph Aquilina fuq l-Għaxar Distrett Elettorali
· David Bonello fuq l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali
· Miriana Calleja Testaferrata de Noto fuq it-Tielet u l-Ħames Distrett Elettorali
· Antonello Cuschieri fuq l-Ewwel Distrett Elettorali
· George Vital Zammit fuq is-Sitt u t-Tnax-il Distrett Elettorali
Joseph Aquilina huwa kunsillier lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema u jaħdem fil-qasam tan-negozju. Għandu 54 sena.
David Bonello huwa avukat ta’ 39 sena u ilu jaħdem fil-Partit Nazzjonalista minn meta kien żagħżugħ. Kien fost l-oħrajn ġurnalist ma’ NET Television u serva wkoll bħala kunsillier lokali tal-PN fin-Naxxar.
Miriana Calleja Testaferrata de Noto wkoll hija avukat, u għandha 31 sena. Kienet kandidata f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2024.
Antonello Cuschieri kien kunsillier lokali tal-PN fil-Kunsill Lokali Ħamrun u huwa avukat ta’ 42 sena.
George Vital Zammit huwa lettur fl-Università ta’ Malta ta’ 46 sena, u huwa l-awtur tal-programm elttorali tal-Partit Nazzjonalista.
Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lill-kandidati li qed joffru lilhom infushom biex jipprovdu servizz, u radd ħajr lill-kandidati kollha li ġew approvati sa issa. Il-proċess tal-għażla u l-approvazzjoni tal-kandidati se jkompli fil-jiem li ġejjin.
It-tim ta’ kandidati li l-PN se jkun qed iressaq quddiem l-elettorat fl-elezzjoni ġenerali li se ssir is-Sibt 30 ta’ Mejju 2026 jinkludi taħlita ta’ wċuħ ġodda, oħrajn li diġà kkontestaw mal-PN f’elezzjonijiet preċedenti, deputati li servew fil-leġiżlatura li qed tiġi fi tmiemha, nisa u żgħażagħ kif ukoll numru ta’ kandidati Għawdxin.
//= $special ?>

