Il-qorti ordnat lil raġel Taljan iħallas multa ta’ €6,000 u ordnat li l-kelb tiegħu tar-razza pitbull jinqatel, wara li nstab ħati li b’mod irresponsabbli ħalla l-annimal jiġri bla ċinga, b’konsegwenza li qatel kelb ieħor f’attakk deskritt bħala wieħed “vizzjuż”.
Massimo Rizzoglio, ta’ 56 sena, residenti s-Swieqi, kien akkużat li f’Lulju li għadda naqas milli jżomm il-kelb tiegħu taħt kontroll u ppermettilu jikkaġuna ġrieħi lil annimali oħra.
Il-vittma tat xhieda ta’ qsim il-qalb fejn iddeskriviet kif il-kelb tagħha kien “mbiċċer” quddiem għajnejha. Hija rrakkontat kif kienet qed tirritorna lura d-dar wara passiġġata meta l-pitbull dar magħha u attakkalha lill-kelb.
“Huwa qabad il-kelb tiegħi u beda jheżżu b’mod vjolenti ħafna. Il-kelb lanqas biss seta’ jinbaħ għax kien maqbud mill-ġenb… il-kelb l-ieħor kien b’saħħtu wisq,” qalet il-vittma li kienet emozzjonata ħafna tant li diet tibki.
Hija spjegat kif il-ġirien ħarġu jgħajtu iżda beżgħu jintervjenu sakemm raġel mill-viċin niżel u beda jagħti lill-pitbull bis-sieq biex jipprova jitilqu.
Il-kelb miet ftit wara għand il-veterinarju minħabba kustilji miksura u pulmuni mtaqqba.
Id-difiża argumentat li l-kelb kien ħarab aċċidentalment mid-dar u li s-sid kien ħareġ jiġri warajh. Madankollu, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet din il-verżjoni wara li eżaminat filmati tas-CCTV miġbura mill-inħawi.
Il-filmati urew lil Rizzoglio miexi b’mod kalm ftit metri wara l-kelb, biċ-ċinga f’idu iżda mhux mal-annimal. Il-qorti nnutat li s-sid kien liebes iż-żarbun, fatt li kkontradixxa l-allegazzjoni li telaq jiġri warajh mingħajr żarbun.
“M’hemm l-ebda dubju li n-negliġenza u l-imprudenza tal-imputat wasslu għal dan l-avveniment trawmatiku li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar serji li kieku weġgħu n-nies,” stqarret il-maġistrat.
Il-qorti esprimiet tħassib serju dwar it-temperament tal-pitbull, li f’mument kien qed jimxi bil-mod u f’sekondi “trasforma ruħu f’mostrużità”.
Waqt li kienet qed tiddetermina l-piena, il-qorti kkunsidrat li Rizzoglio jħallas l-ispejjeż kollha tal-veterinarju lill-vittma. Madankollu, fid-dawl tal-periklu li l-kelb jirrappreżenta għas-soċjetà, il-qorti ordnat lill-pulizija biex l-annimal jinqatel għas-spejjeż ta’ sidu skont kif tgħid il-liġi.
Rizzoglio nstab ħati tal-akkużi kollha u ġie kkundannat iħallas multa ta’ €6,000.
//= $special ?>

