Preżenti fost il-kelliema waqt il-Mass Rally li organizza l-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara, kien hemm Amy Camilleri Zahra, magħrufa għad-diskorsi ta’ motivazzjoni li tagħti f’oqsma differenti. Fid-diskors tagħha, Camilleri Zahra tkellmet dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna u l-kwalità ta’ ħajja li qed ngħixu.
Camilleri Zahra, li hi ukoll il-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabbiltà fl-Università ta’ Malta, bdiet l-indirizz tagħha billi għamlet referenza għall-istatistika maħruġa mill-Gvern stess, fejn preżentament “għandna aktar minn mitt elf Malti u Maltija li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Skont din l-istatistika tal-Gvern, kważi terz tal-anzjani u 25% tat-tfal jinsabu f’riskju tal-faqar jew l-eskluzjoni socjali.”
Camilleri Zahra tkellmet dwar koppja li għandhom 25 sena u t-tnejn jaħdmu. Hija qalet li dawn iridu jixtru l-ewwel dar tagħhom. “B’xi mod se jirranġaw iżda jafu li għal ħafna snin se jkunu ilsiera tal-loan tal-bank,” tenniet Camilleri Zahra.
Hi żiedet tgħid li “jien u intom nagħmlu sigħat nibilgħu l-exhaust tal-karrozzi jew it-trab tal-kostruzzjoni bla rażan u bla pjan.” Kien hawnhekk fejn Camilleri Zahra ġenwinament staqsiet jekk dawn l-individwi humiex qed igawdu minn kwalità tajba tal-ħajja minkejja li l-ekonomija qed tikber.
“Is-saħħa tal-ekonomija ma titkejjilx bin-numri biss, imma bid-dinjità, bis-sigurtà, bl-aċċessibilità, u bil-kwalità tal-ħajja li tagħti lin-nies, lil kull wiehed u waħda minnha. Is-suċċces tal-ekonomija titkejjel bil-kwalità tal-ħajja tat-tfal tagħna, taż-żgħażagħ tagħna, tal-ġenituri bħalek u bħali, u tal-anzjani,” qalet Camilleri Zahra.
Il-Malti jgħid, bla flus la tgħannaq u lanqas tbus, iżda skont Camilleri Zahra, dan mhuwiex minnu, għaliex “mingħajr ekonomija tajba u bilgħaqal huwa diffiċli li jkollok il-bżonnijiet tal-poplu indirizzati. Iżda kif dejjem jingħad, kważi f’kull aspett tal-ħajja, il-bilanċ huwa kollox.”
Camilleri Zahra saħqet li sabiex pajjiżna tassew ikollu ekonomija b’saħħitha, jeħtieġ li “ngħinu biex professjonisti fis-settur socjali u tas-saħħa ma jkollhomx burnout u jissaħħaħ l-investiment fl-għalliema.”



