Wara li l-Prim Ministru għamel allegazzjoni mill-aktar irresponsabbli b’rabta mal-proposta tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sostna li jekk Robert Abela għandu l-evidenza għandu jmur dritt għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Kollox beda li Abela allega li hemm xi kuntrabandist li mar għandu u anke għand il-Kap tal-Oppożizzjoni b’xi pjan għal impjant offshore. U l-Mexxej Laburista qabad karta u beda jxejjirha waqt avveniment tal-Gvern f’Ħal Far – fejn attakka lill-Partit Nazzjonalista, u allega li l-proposta tiegħu ta’ Fuel Hub ġiet mingħand din il-perusna partikolari; xi ħaġa li l-PN ċaħad kategorikament.
Matul id-diskors tiegħu waqt il-mass rally li sar f’Birkirkara Alex Borg spjega li l-proposti tfasslu mill-ideat u l-aspirazzjonijiet tal-poplu u mhux minn kriminal – kif allega bil-fake news li prova joħloq il-Mexxej Laburista. Hu spjega li l-proposta tal-PN ġiet imfassla b’reqqa kbira minn tim ta’ inġiniera, ekonomisti u esperti fil-qasam legali u marittimu.
Din il-proposta ġiet imfaħħra anke mill-Malta Maritime Forum.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Robert Abela li ħa il-ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta għandu jaqbad l-informazzjoni li allegatament għandu f’idejh u jmur dritt għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Alex Borg stqarr li din hija s-serjetà li pajjiżna għandu bżonn, filwaqt li ċaħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet li għamel Robert Abela.


